“Ma huwa se jagħlqilna ħalqna ħadd”
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif għal darb’oħra l-Awtorità tax-Xandir tat ċamata oħra lix-Xandir tal-Istat imħallas minn but il-poplu.
Dan hekk kif f’ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista, l-Awtorità saħqet li nhar it-Tnejn 17 ta’ Lulju, fuq TVM u TVM News+ ixxandret il-konferenza tal-aħbarijiet indirizzata fost oħrajn minn Robert Abela iżda fl-ebda mument ma xandrux il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Għaldaqstant l-Awtorità tax-Xandir saħqet li l-istazzjon nazzjonali kellu jimxi b’mod aħjar fil-mod kif tratta t-trasmissjonijiet mxandra b’mod dirett marbuta mal-każ tal-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia u b’hekk ordnat lill-PBS sabiex immedjatament qabel l-aħbarijiet tat-tmienja tad-19 ta’ Lulju, ixandar il-filmat ta’ żewġ minuti u żewġ sekondi bl-indirizz oriġinali tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista.
B’reazzjoni għal dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech saħaq li Robert Abela dgħajjef, u qedjagħmel minn kollox biex permezz tal-PBS jinstema’ hu biss filwaqt li joħnoq u jaħbi l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista.
Bernard Grech sostna li għal darb’oħra l-Awtorità tax-Xandir tat deċizzjoni oħra importanti favur il-Partit Nazzjonalista biex il-messaġġ lin-Nazzjon li wassal it-Tnejn , u li l-PBS naqset li xxandar skont il-liġi, jixxandar illum.
Huwa insista li l-messaġġ ta’ għaqda nazzjonali qed jissokta u li l-messaġġ li wassal it-Tnejn għadu jgħodd sal-lum, u se jibqa’ jgħodd għaż-żmien li ġej.
Għax dik hija l-poltika tal-Partit Nazzjonalista – Ta’ ħarsien, ta’ ġustizzja u ta’ verità.
//= $special ?>