Nhar is-Sibt, 22 ta’ Lulju 2022 mis-7.30 p.m. il-Kunsill Lokali tal-Iklin se jkun qed jorganizza lejla mill-isbaħ fi Triq San Mikiel fejn ser jittella kunċert live – A Tribute To Elvis Presley by Josuel as ELVIS għall-komunità tal-Iklin u l-pubbliku inġenerali.
Bi pjaċir kbir, il-Kunsill Lokali L-Iklin qed jippreżenta lill-artist Josuel as Elvis bħala żgħażugħ mil-lokalità tal-Iklin mimli enerġija u talent fejn se jkun qed jagħti kunċert live fl-apert lill-benjamini tiegħu. Riċentement, Josuel ikkompeta f’ ‘Mr. Songman 2023’ ġewwa Londra, l-Ingilterra fejn ħareġ bl-unuri f’din il-kompetizzjoni bħala Elvis Tribute Artist u kiseb akklamazzjoni internazzjonali. Il-kunċert ta’ nhar is-Sibt se jkun qed jagħti ġieħ lil leġġenda mużikali filwaqt li jżomm ħaj lil dan il-leġġenda kemm bil-mużika u fl-ispirtu tiegħu.
Waqt dan il-kunċert se jkunu wkoll esibiti vetturi Amerikani bil-kollaborazzjoni ta’ American Auto Club Malta fejn il-vetturi se jkunu skjarati on display matul Triq San Mikiel.
Il-ħsieb wara din l-attività huwa xprunat mill-istudju xjentifiku li sar riċentement mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà mill-Università ta’ Malta ‘Iklin Community Project’ sabiex il-Kunsill isaħħaħ l-identità tal-lokal, jara preċiż l-ħtiġijiet tal-lokal u dak li jixtiequ jaraw ir-residenti tal-Iklin. Il-ħsieb li noħolqu komunità inklussiva, parteċipazzjoni aktar wiesgħa tar-residenti u s-sidien tan-negozju fil-ħajja u l-attivitajiet tal-lokal. Permezz ta’ dawn l-attivitajiet li qed isiru speċifikament għall-komunità tal-Iklin, il-Kunsill qed jagħmel stedina lir-residenti kollha biex jattendu bħala komunità waħda sħiħa u magħquda fi spirtu ta’ festa familja.
L-investiment f’dawn l-attivitajiet, grazzi għall-opportunitajiet ta’ fondi disponibbli mill-Kunsill Reġjonali Lvant u fondi allokati mill-Kunsill Lokali L-Iklin qed itella avveniment ieħor sabiħ f’lejla sajfija. L-għan aħħari ikun li r-residenti li jgħixu f’din il-komunità jintegraw b’mod sħiħ, jipparteċipaw aktar u jibnu sens ta’ appartenenza lejn dan il-lokal.
Wara s-suċċess tal-edizzjoni Festa Fjuri li ġiet organizzata f’Mejju li għadda fi Pjazza Ninu Cremona u Triq Anton Buttigieg, il-Kunsill Lokali L-Iklin qed joħloq attivitajiet ġodda fix-xaqliba l-oħra tal-lokal biex nilħqu aktar udjenzi u attrazzjonijiet ġodda.
Sintendi l-pubbliku u l-ammiraturi ta’ Elvis huwa mistiedna jingħaqdu għal dan l-avveniment fl-Iklin mingħajr ħlas nhar is-Sibt li ġej mis-7.30 p.m. ‘il quddiem.
Ikel u xorb. Divertiment garantit.
//= $special ?>