Fis-sigħat li għaddew direttament minn Kastilja u anki miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista bdiet issir pressjoni kbira fuq Delegati tal-Partit Laburista, iżda anki fuq nies fil-Ministeri biex illejla jattendu attività politika fil-Gudja.
“Importanti li għada tgħidu lill-kollegi kollha tagħkom biex inkunu preżenti għall-intervista tal-PM fil-Gudja.”
F’din l-attività politika, Robert Abela se jkun intervistat mill-ġurnalist Karl Azzopardi u kemm ta’ Kastilja u anki t-Tmexxija tal-Partit Laburista jridu li jattendu l-partitarji… tal-inqas id-Delegati u dawk li jaħdmu fil-Ministeri.
Qed jingħadilhom minn min qed jagħmel pressjoni biex l-attività tal-lejla tirnexxi li: “Mhux aċċettabbli li xi ħadd jaqbad u ma jiġix attività organizzata mill-OPM.”
Naturalment is-sorsi tagħna jistaqsu: Min qed jorganizza din l-attività? Il-Partit Laburista? Jew tal-OPM?
Naturalment wieħed jipprova jifhem għaliex tal-OPM u dawk fit-Tmexxija tal-Partit Laburista jridu li din l-attività tal-lejla tirnexxi għaliex inkella din il-ġimgħa tassew tkun waħda mill-aktar diżastruża għal Robert Abela.
Diġà fil-jiem li għaddew Robert Abela kien il-protagonista assolut ta’ numru ta’ żbalji kbar u saħansitra attira lejh għajta ta’ rabja kbira nhar it-Tnejn filgħaxija għall-mod xejn dinjituż li bih qiegħed imexxi lill-pajjiż.
Dawk ta’ Kastilja u anki fit-Tmexxija tal-Partit Laburista jafu ben tajjeb li fil-mument Robert Abela jinsab litteralment jitmiegħek mat-trab tal-art… jagħmel il-u-turns waħda wara l-oħra. Jafu ben tajjeb ukoll li Robert Abela xejn mhu qed jinżel tajjeb mal-partitarji Laburisti, inklużi mad-Delegati u anki mal-ħaddiema Laburisti fid-diversi Ministeri li jitkażaw bil-livell baxx tiegħu ta’ tmexxija… iżda issa anki bil-kwalitajiet baxxi tiegħu mill-aspett ta’ umanità.
Hekk kif deher biċ-ċar bħal-lum ġimgħa meta wara vot kruċjali fil-Parlament fuq ix-xewqa ta’ omm li tinħatar Inkjesta Pubblika dwar il-mewt ta’ binha, hu mar il-Girgenti biex jattendi kunċert mużikali! Imma dan bis-serjetà.
U mhux biss… għaliex jumejn biss wara kompla jagħmel aktar żbalji kbar hekk kif deher isalpa ’l barra mill-Port il-Kbir fuq il-jott lussuż tiegħu għal ftit tal-jiem ta’ mistrieħ u vaganzi… proprju meta l-pajjiż jinsab fi kriżi kbira.
U aktar u aktar b’dak li għamel nhar it-Tnejn li għadda li s’issa jidher li vvinta storja kbira – dik li l-Maġistrat Inkwerenti għamlet xi talba għal estensjoni ta’ żmien biex tkompli bl-Inkjesta Maġisterjali tagħha… hekk kif issa qed jirriżulta li minn dan kollu m’hemm l-ebda verità.
Iżda Robert Abela ried jivvinta xi ħaġa qawwija biex ikun jista’ jagħmel u-turn oħra u jbaxxi rasu ħalli tkun tista’ tiskatta Inkjesta Pubblika dwar it-traġedja ‘Jean Paul Sofia’.
Tal-OPM u taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista jafu ben tajjeb li Robert Abela bħalissa mhux popolarità interna jgawdi, imma rabja kbira għall-mod kif qed jirnexxielu – b’mod ripetut – idaħħal lill-Gvern u lil Partit Laburista fil-ħajt.
Mhux ta’ b’xejn li ta’ Kastilja u anki dawk fil-Ħamrun qed jibqgħu jsostnu li l-‘Bobby” ma jibdhiex ma’ Joseph Muscat!
//= $special ?>