Sport Waterpolo

Sliema jegħlbu lir-rivali Neptunes u jersqu punt taħthom fil-klassifika

Stewart Said

NEPTUNES VIDEOSLOTS….. 8

SLIEMA FRANK SALT………. 10

(3-3), (2-3), (0-3), (3-1)

Sliema Frank Salt rebħu l-ewwel konfront dirett tagħhom f’dan is-sajf. Huma għelbu lir-rivali Neptunes 10-8 u resqu punt taħthom filwaqt li ppermettew lil San Ġiljan ikunu waħedhom fil-quċċata.

Neptunes kienu mingħajr is-Serb Filip Filipovic, nuqqas li nħass ferm fit-tim ta’ Dorian Pisani, bit-tim tal-Balluta ma kellux l-aqwa prestazzjoni. Il-logħba ma kinitx xi waħda klassika bejn dawn it-tnejn u l-attendenza ma kinitx l-anqas l-akbar waħda sa issa.

Sliema ħadu tliet darbiet il-vantaġġ fl-ewwel sessjoni permezz ta’ Dmitrii Kholod, Liam Galea u Jayden Cutajar iżda Alec Fenech, Gabriel Pace u Aleksandar Ivovic ġabu l-iskor indaqs fit-tliet okkażjonijiet.

Is-Slimiżi rnexxielhom jieħdu vantaġġ ta’ 6-3 fit-tieni sessjoni iżda fi ftit sekondi lejn tmiem is-sekondi, Neptunes naqqsu d-distakk għal gowl biss b’gowls taż-żgħażagħ Jake Muscat u Sam Gialanze.

Neptunes ma bnewx fuq dawn il-gowls u ppermettew lil Sliema jibqgħu fil-kontroll tal-logħba. Dino Zammit skorja doppjetta u kabbar il-vantaġġ għal 8-5. Sliema tilfu lil Andrija Prlainovic bit-tielet esklużjoni personali u b’hekk inbidlet il-logħba hekk kif iż-żewġ timijiet issa kienu bi plejer barrani biss. Minkejja dan, Kholod għamilhom 9-5 minn penalty.

Neptunes kellhom sessjoni ċans biex jirkupraw erba’ gowls. Ivovic naqqas id-distakk u wara li Neptunes kellhom gowl imħassar, John Brownrigg għamilhom 10-6. Sam Gialanze ħalla lil Neptunes jittamaw b’nofs sessjoni għat-tmiem. Iżda minkejja li żiedu l-pressjoni, Neptunes setgħu jersqu biss żewġ gowls bogħod b’gowl ta’ Stevie Camilleri.

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (1), S. Gialanze (2), G. Pace (1), M. Castillo, J. Bajada, S. Camilleri (1), J. Camilleri, A. Ivovic (2), A. Fava, A. Fenech (1), E. Mallia, M. Rossi, D. Bugeja

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta, L. Galea (2), J. Gambin, Z. Mizzi, B. Cachia, J. Cutajar (1), M. Mifsud, J. Brownrigg (1), D. Kholod (3), A. Prlainovic (1), D. Zammit (2), A. Bugeja, E. Schembri

Referees: Alex de Raffaele, Alessandro Severo

VALLETTA IZIBET………….. 14

SIRENS…………………………….. 17

(3-6), (3-5), (2-4), (6-2)

Tpattija sportiva minn Sirens wara li ġimgħa ilu kienu megħluba minn Valletta Izibet. B’din ir-rebħa, Sirens ħadu nifs ġdid fit-tentattiv li jispiċċaw it-tieni rawnd fir-raba’ post.

Kontra ta’ dak li ġara fl-aħħar konfront bejniethom, Sirens fetħu b’saħħithom u ħadu vantaġġ ta’ 5-1. Andrija Vlahovic wieġeb għal Valletta b’doppjetta sakemm Pietro Figlioli ħalla lil Sirens tliet gowls minn fuq.

Fit-tieni sessjoni kien Ivan Nagaev li b’doppjetta minn tiegħu naqqas id-distakk għal 8-5 iżda Sirens wessgħu d-distakk għal 11-5. Minkejja li fit-tielet sessjoni tilfu lil Figlioli bit-tielet esklużjoni, Sirens aċċertaw mir-rebħa meta saħansitra kabbru l-vantaġġ għal 14-6. Valletta pruvaw jużaw il-vantaġġ ta’ plejer barrani aktar fl-ilma iżda d-distakk kien kbir biex jirkuprawh.

Valletta: B. Busuttil, J. Spiteri Staines, D. Rizzo, J. Cassar (1), S. Busuttil, A. Vlahovic (4), D. Paoella, I. Nagaev (8), S. Micallef, A. Agius, K. Borg, K. Cremona, A. Theuma, M. Demarco (1), J. Chircop

Sirens: T. Micallef, P. Serracino, K. Erdogan, P. Figlioli (4), J. Zerafa Gregory (1), G. Farrugia (2), M. Chircop, G. Melillo (3), M. Cutajar, M. Pasztor (3), M. Sciberras (2), M. Azzopardi (1), M. Bonello Dupuis, J. Cachia (1), G. Sammut

Referees: Ronnie Spiteri, Michele Alessandroni

MARSAXLOKK BROWN’S……. 15

EXILES WELBEE’S……………….. 14

(4-1), (3-5), (3-7), (5-1)

Gowl fl-aħħar nofs minuta ta rebħa prezzjuża lil Marsaxlokk Brown’s kontra Exiles Welbee’s. Dan il-konfront kien importanti għaliex rebħa għal Exiles kienet twassalhom daqs Marsaxlokk. Determinanti kienet it-tkeċċija ta’ Valentino Gallo.

Marsaxlokk bnew vantaġġ ta’ 4-1 fl-ewwel sessjoni, b’Kurt Griscti kien naqqas parzjalment id-distakk. Exiles bdew jidħlu fil-logħba u naqqsu d-distakk għal 6-5, b’Marsaxlokk iżommu l-vantaġġ ta’ gowl sa tmiem it-tieni sessjoni.

Exiles irnexxielhom iġibu d-draw għal aktar minn darba fit-tielet sessjoni u saħansitra marru 12-9 u 13-10 minn fuq b’Gallo jispikka bi tripletta. Iżda l-istess plejer Taljan spiċċa l-logħba kmieni meta tkeċċa lejn nofs l-aħħar sessjoni għal protesti, b’Exiles fil-vantaġġ. Marsaxlokk ħadu vantaġġ u rnexxielhom jirbħu l-logħba b’erba’ gowls konsekuttivi, fosthom l-aħħar gowl ta’ Misic nofs minuta mit-tmiem.

Marsaxlokk: Mi. Farrugia, C. Cutajar, M. Lanzon, Ma. Farrugia, N. Moskov (5), J. Valletta (1), M. Zammit, M. Aquilina, R. Galea, S. Misic (5), E. Bonnici, L. Mallia (2), S. Mifsud, A. Cook (2), J. Borg Tabone

Exiles: M. Castillo, Z. Cutajar Licari, Z. Micallef, V. Gallo (5), G. Molina (2), S. Xerri de Caro (1), M. Fenech, K. Griscti (5), N. Paris, M. Martellacci (1), M. Aquilina, N. Saliba, F. Buhagiar, M. Paris Roding, L. Pursehouse

Referees: Peter Balzan, Alessandro Severo