Lokali

Talba biex l-Inkjesta Pubblika tinvestiga ħlas li allegatament ingħata biex il-ħaddiema jagħlqu ħalqhom

Il-Bord li qed imexxi l-Inkjesta Pubblika b’rabta mat-traġedja ta’ Jean Paul Sofia għandu quddiemu talba sabiex jistħarreġ allegazzjoni serja dwar flus li ingħataw il-ħaddiema barranin ħalli jagħlqu ħalqhom u ma jgħidu xejn dwar dak li seħħ f’Kordin f’Diċembru li għadda.

Fit-traġedja li ħasdet il-ħajja ta’ Sofia kien hemm involuti ħames persuni oħra. Dawn kienu tliet Albanizi ta’ 53, 24 u 21 sena, raġel mill-Bosnja ta’ 69 sena u Malti minn San Pawl il-Baħar ta’ 43 sena.

Skont il-Professur Arnold Cassola, dawn il-ħames feruti tħallsu somma flus biex ma jitkellmux. U l-barranin intbagħtu lura pajjiżhom biex żgur ma jiftħux ħalqhom. Dan minkejja li wieħed allegatamenttilef il-vista  minn għajn wahda u li ieħor tilef sieq waħda.

Għalhekk, Cassola talab lill-Bord tal-Inkjesta sabiex dawn il-ħaddiema jinġiebu lura Malta biex jixhdu, filwaqt li għandu jiġi investigat għaliex il-Pulizija u l-awtoritajiet tas-saħħa ma taw l-ebda aġġornament dwar il-kundizzjoni tagħhom.

Il-Bord intalab ukoll biex – jekk l-allegazzjonijiet huma vera – jinvestiga min ordna li jitħallsu somma flus. U jekk veru, min iddeċieda li dawn jitħallew jaħarbu barra minn Malta.

L-Imħallef Joseph Zammit McKeon, li bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Ombudsman, qed imexxi din l-Inkjesta flimkien mal-Awditur Ġenerali Charles Deguara u l-espert tekniku l-Perit Mario Cassar.