Lokali

Zoni fiż-Żurrieq ilhom 16-il siegħa bla dawl

Net News jinsab infurmat illi xi zoni fiż-Żurrieq jinsabu bla dawl u ilhom bla dawl għal dawn l-aħħar 16-il siegħa.

“Agħar minn pajjiż tat-tielet dinja… Kemm ser ikolli narmi prodotti tal-ikel wara 16-il siegħa bla dawl ”

Hekk sostniet fuq il-midja soċjali mara li flimkien ma’ diversi familji oħra fl-inħawi taż-Żurrieq ilhom mingħajr provvista tal-elettriku sa mis-sitta tal-bieraħ filgħaxija.

Fuq il-midja soċjali, il-kummenti ma naqsux fejn numru ta’ persuni spjegaw li għamlu kuntatt mal-kumpanija Enemalta fejn qalulhom li kienu se jibgħatu xi ħaddiema minnufih… madanakollu sa’ issa għadhom mingħajr provvista tal-elettriku.

Persuna oħra kitbet li, “is-sħana kienet insapportabbli wisq, fl-eqqel ta’ heatwave.”

Persuni li tkellmu ma’ Net News qalulna li d-dawl ġie għall-ħabta tal-10 pm tal-bieraħ u reġa’ telaq siegħa biss wara. Filfatt ħafna iddiskrievew din is-sitwazzjoni bħala “vendikazzjoni” u “tortura”.

L-ogħla temperatura għal-lum se tlaħħaq id-39 C , b’numru ta’ persuni li għamlu kuntatt ma’ Net News insistew li fl-2023 ma jippretendux li jagħmlu sigħat sħaħ mingħajr elettriku…aktar u aktar fl-eqqel tas-sajf.