BIRKIRKARA………..1 (2)
NK MARIBOR………2 (3)
Birkirkara: M. Zapytowski, J. Pajovic, E. Pepe, Y. Yankam (O. Elouni 86′), P. Mbong (K. Zammit 56′), E. P. Beltre, N. Micallef ( J. Valletta 90+4’), A. Coppola, S. Zibo, D. Ribeiro (I. Montano 56′), A. Ciolacu (86’ W.Gomes 86′)
NK Maribor: A. Jug, I. Brnic, M. Bozic (M. Lausic 46′), I. Urata (M. Strajnar 81′), J Repas (B. Vrhovec 90+2’), M. Watson, M. Milec, L. Uskovic, M. Kolar, I. Rafiu ( A. Jakupovic 46′), M. Lorber (X. Skuka 63′)
Referee: Martin Dohal SVK
Skorjaw: P. Mbong 19′ pen (BRK), A. Jakupovic 80′, X. Skuka 88′ (MAR)
Birkirkara kienu madwar kwarta ‘l bogħod minn kwalifikazzjoni għat-Tieni Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni tal-Europa Conference League iżda NK Maribor irnexxielhom idawru telfa f’rebħa ta’ 2-1 biex b’hekk kienu huma li avvanzaw b’aggregate ta’ 3-2.
Il-partita ntlagħabet fil-5pm fuq għażla tal-Karkariżi bħala parti mill-istrateġija, iżda wieħed seta’ jara li l-plejers tal-istripes bagħtew fiżikament fl-aħħar parti tal-logħba bl-Isloveni japprofittaw u jiskorjaw darbtejn fit-80 u t-88 minuta.
Birkirkara marru fil-vantaġġ fid-19-il minuta meta r-referee ordna penalty wara li Uskokovic deher iżomm il-ballun b’idu wara xutt ta’ Andrei Ciolacu. Mill-11-il metru kien Yannik Yankam li tefa’ wara Jug.
Fit-28 minuta reazzjoni minn Maribor bil-pass ta’ Repas isib lil Kolar żmarkat, iżda b’xorti tajba għall-Karkariżi l-attakkant Kroat ma’ laqatx il-ballun li baqa’ sejjer fi throw in.
Birkirkara fuq l-attakk fl-40 minuta bil-pass preċiż ta’ Yankam isib lil Ciolacu li deher ġej wiċċ imb wiċċ mal-goalkeeper avversarju iżda kien Uskokovic li b’intervent mill-isbaħ u fil-ħin tefa’ l-ballun f’korner.
Din kienet l-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima, bil-Karkariżi jidħlu jistrieħu 1-0 minn fuq.
Fit-tieni taqsima, kif kien mistenni, Maribor żiedu l-pressjoni biex ifittxu l-gowl bl-Istripes jilqgħu lill-avversarji sa minn kmieni.
Fis-76 minuta xutt minn barra tal-captain ta’ Maribor Martin Milec jgħaddi ftit barra u erba’ minuti wara beda l-inkwiet ta’ Birkirkara u l-ewwel gowl ta’ Maribor. Kien kross ta’ Brnic fil-kaxxa ż-żgħira, bid-difiża Karkariża tonqos milli tirreagixxi u l-ballun jaqa’ f’saqajn is-sostitut Arnel Jakupovic li b’xutt mill-ewwel għeleb lil Zapytowski.
Birkirkara provaw iwettqu reazzjoni żewġ minuti wara meta minn azzjoni personali s-sostitut Italo Montano prova xutt minn tarf il-kaxxa, bil-goalkeeper avversarju jilqa’ b’diffikultà f’żewġ tentattivi.
Fit-88 minuta wasal il-gowl li elimina lil Birkirkara minn din il-kompetizzjoni meta sostitut ieħor, l-Albaniż Xhuliano Skuka avvanza mal-linja u minkejja li ssikkatt minn Coppola rnexxielu jidħol fil-kaxxa u jdur mal-goalkeeper Karkariż u b’xutt b’saħħtu tefa’ fix-xibka fost il-ferħ tal-ftit partitarji Sloveni fis-Centenary Stadium, plejers u d-diriġenti ta’ NK Maribor.
Birkirkara provaw iżidu l-forzi fl-attakk iżda kien kollu għal xejn hekk kif NK Maribor żammew il-vantaġġ ta’ 2-1 u b’aggregate ta’ 3-2 kieu huma li avvanzaw għar-rawnd li jmiss.
