Futbol Sport

Birkirkara u Gżira United biċ-ċans li jagħmluha għar-rawnd li jmiss

(Ritratt: Birkirkara FC)

Illejla, żewġ klabbs Maltin oħra, Birkirkara u Gżira United se jkunu qed jilagħbu t-tieni leg tal-Ewwel Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni tal-Europa Conference League.

Iż-żewġ timijiet għadhom biċ-ċans li jagħmluha għar-rawnd li jmiss ta’ din il-kompetizzjoni hekk kif it-tnejn li huma spiċaaw fi draw fl-ewwel leg.

Birkirkara, fil-Ljudski Vrt Stadium, fis-Slovenja, spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra NK Maribor, draw li kien ikkaratterizzat minn episodju kontrihom, bil-gowl ta’ Maribor jasal minn penalty ivvintat mir-referee Mohammed Al-emara tal-Finlandja. Il-prestazzjoni tal-Istripes, speċjalment fl-ewwel taqsima, kienet impressjonanti u għalhekk wieħed jittama li t-tim immexxi minn Giovanni Tedesco jinsa dak li ġara fis-67 minuta tal-ewwel leg u jqum għall-okkażjoni biex jiżgura minn kwalifikazzjoni għall-fażi li jmiss.

Birkirkara kontra NK Maribor se tkun qed tixxandar live fuq Net Television fil-5pm.

Minn naħa l-oħra Gżira United fl-ewwel leg laqgħu lil Glentoran tal-Irlanda, fejn wara li rnexxielhom idawru r-riżultat 2-1 favurihom sa tmiem l-ewwel taqsima, sfortunatament sofrew gowl fil-bidu tat-tieni taqsima li ċaħħadhom minn rebħa fis-Centenary Stadium bil-logħba tispiċċa fi draw ta’ 2-2. Minkejja li Gżira tilfu bosta mill-aqwa elementi speċjalment ta’ plejers barranin li kellhom, kwalifikazzjoni għar-rawnd li jmiss tal-Europa Conference League għadha possibli għalkemm forsi f’The Oval Stadium se tkun aktar diffiċli quddiem il-partitarji Irlandiżi. Il-kowċ Darren Abdilla fl-ewwel leg għażel li jibda mill-bidu lid-duo żgħażugħ Andy u Brooklyn Borg mill-bidu bit-tnejn li huma kellhom prestazzjoni mill-aqwa fejn saħansitra Brooklyn skorja l-gowl li poġġa momentarjament lill-Maroons fil-vantaġġ fl-40 minuta.

(Ritratt: Gżira United)

Europa Conference League:

Centenary Stadium 5pm – Birkirkara vs NK Maribor (Live fuq Net Television)

The Oval Stadium 8:30pm – Glentoran vs Gżira United