Enerġija Lokali

AĠĠORNATA: Eluf jerġgħu bla dawl għat-tielet lejl konsekuttiv

Miriam Dalli ssejjaħ lill-ġurnalisti, bla cameras u bla fotografi

Eluf ta’ familji reġgħu qattgħu lejl ieħor fi sħana tremenda wara li l-provvista tad-dawl inqatgħet mill-ġdid madwar il-pajjiż. Bl-aktar postijiet affetwati jkunu ż-Żurrieq, Ħad-Dingli, ir-Rabat, l-Imġarr, in-Naxxar, il-Fgura, il-Mosta, Birkirkara u San Ġwann.

F’zoni bħal Santa Venera l-provvista kienet ilha li inqatgħet mill-11pm u sa filgħodu kienet għadha ma ġietx. Dawn apparti li f’xi lokalitajiet kien hemm low voltage; fejn id-dawl jitbaxxa għal ftit, u jerġa’ jiġi.

Dan il-qtugħ fil-provvista tal-enerġija huwa riżultat tal-fatt li l-Gvern baqa’ ma investiex biex jimmodernizza s-sistema tad-distribuzzjoni. Għalkemm skont l-Enemalta, il-qtugħ frekwenti qed iseħħ minħabba li qed jisħnu l-cables taħt l-art kaġun tas-sħana qawwija.

Matul il-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis kien hemm ħsarat f’mill-inqas 7 zoni differenti tal-pajjiż.

Intant, waqt li ndirizzat lill-ġurnalisti ilbieraħ filgħaxija, il-Ministru Miriam Dalli qalet illi hi tifhem il-frustrazzjoni tan-nies. Iżda imkien ma rreferiet għall-fatt illi hi stess kienet wegħdet li dan il-qtugħ fid-dawl se jkun xi ħaġa tal-passat, u li l-Gvern qed inaqqas il-powercuts.

Din il-laqgħa mal-ġurnalisti saret bla cameras, u allura ma kellniex il-possibbiltà nirrekordjaw it-tweġibiet tal-Ministru. Fost l-oħrajn, kien hemm domandi dwar il-kumpens li għandhom jingħataw il-familji – bil-Ministru tgħid li l-Gvern mhux se jagħti ebda flus għall-ikel kollu li intrema mill-familji.

B’kuntrast, il-PN insista illi l-inqas li jista’ jagħmel il-Gvern ta’ Robert Abela hu li jikkumpensa lil dawk li spiċċaw vittmi tan-nuqqas ta’ responsabbiltà tiegħu u li qed ibatu minn dan il-qtugħ fis-servizz essenzjali tal-elettriku.

Minn naħa tiegħu, il-Kap tal-PN qal illi dak li seħħ din il-ġimgħa jikkonferma kif Robert Abela falla anke f’dan is-settur. “Int jixraqlek tmexxija serja u bi pjan. Int jixraqlek aħjar”, stqarr Bernard Grech f’messaġġ li wassal permezz tal-media soċjali.