Il-Korea ta’ Fuq baqgħet ma weġbitx għat-tentattivi biex jinħeles suldat Amerikan li, f’nofs il-ġimgħa, qasam lejn artha mill-parti taz-Zona Demilitarizzata li hi amministrata mill-Korea t’Isfel.
Is-suldat, Travis King, kien irnexxielu jaħrab lill-membri tal-iskorta li kienu miegħu fl-ajruport fejn hu kellu jaqbad ajruplan lura lejn l-Istati Uniti biex jgħaddi minn proċess dixxiplinarju.
Il-każ hu wieħed embarazzanti għall-Istati Uniti – bil-Pentagon ta’ Washington, fl-aħħar sigħat, jikkuntattja lill-uffiċjali fil-Korea ta’ Fuq, li min-naħa tagħhom baqgħu ma wieġbux għall-komunikati.
Il-Korea ta’ Fuq ma żvelat xejn dwar il-lokalità u l-kundizzjoni tas-suldat maħrub u meta għadha miftuħa kwalunkwe possibbiltà.
Din il-kriżi seħħet fi żmien ta’ tensjoni kbira bejn Washington u Pyongyang, fost it-theddid kontinwu ta’ aggressjoni min-naħa tal-Korea komunista li qed twettaq il-provi regolari tal-missili li jistgħu jġorru l-warheads nukleari.
Lanqas mhu ċar jekk Travis King ħarabx bil-ħsieb li jibqa’ residenti fil-Korea komunista inkella jekk hux jittama li jirritorna, ‘il quddiem, lejn l-Istati Uniti.
//= $special ?>

