Il-Partit Nazzjonalista kien strumentali biex l-abbozz ta’ liġi numru 35, biex jipprovdi, minflok it-Taqsima VIII tal-Att dwar l-Edukazzjoni (Kap. 327), jiġifieri l-Att li jirregola l-liġi għat-twaqqif, il-funzjonijiet u l-għanijiet tal-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija, ikun wieħed li jagħti aktar awtonomija u trasparenza lill-Istituzzjoni tal-MCAST.
Hekk intqal fi stqarrija maħruġa mid-deputati Justin Schembri, Ivan Castillo u Stanley Zammit.
Fi stadju ta’ kumitat, id-Deputati Nazzjonalisti saħqu sabiex ikunu mibdula, emendati jew eliminati diversi klawżoli li ma kinux qed jagħtu biżżejjed awtonomija u trasparenza lill-MCAST.
Primarjament, id-Deputati Nazzjonalisti insistew li l-liġi għandha tkun ċara dwar il-ħatra tal-Prinċipal tal-Kulleġġ tali mod li dan għandu jinħatar wara sejħa pubblika li tistabbilixi l-kriterji rikjesti għal din l-ogħla kariga tant importanti fil-funzjoni tal-MCAST. Il-liġi kif preżentata mill-Gvern ma kinitx tistabilixxi la l-kriterji u lanqas il-perjodu definit li fih iservi l-Prinċipal tal-Kulleġġ.
Fuq insistenza tad-Deputati Nazzjonalisti, il-Bord tal-Gvernaturi, il-Kunsill Vokazzjonali u Professjonali, il-Kunsill Amministrattiv u l-Bordijiet tal-Istudju, ser jiltaqgħu b’mod aktar frekwenti minn kemm kien suġġerit mill-Gvern u ġie maqbul li bil-liġi l-ġdida jiltaqgħu darba kull 6 ġimgħat u mhux kull 8 ġimgħat jew fi stanzi anke kull 12-il ġimgħa.
Il-Partit Nazzjonalista enfassizza li l-Kunsill Vokazzjonali u Professjonali għandu jkollu wkoll il-fakultà li joħloq l-istatuti interni u mhux ikun kompletament eskluż bħalma ried il-Gvern, dan la darba l-Kunsill Vokazzjonali u Professjonali għandu fi ħdanu nies kompetenti biżżejjed għal dan l-irwol. Enfasizza wkoll li l-ingaġġ ta’ konsulenti għandu jkun trasparenti biżżejjed u jsir biss taħt il-kriterji ta’ sejħa pubblika u mhux kif suġġerit mill-Gvern. Fost bidliet oħra, il-Partit Nazzjonalista talab li ssir emenda biex ebda membru ma jista’ jitwaqqaf jew jinżamm milli jkompli jservi fuq il-Bord tal-Gvernaturi jekk kemm-il darba jkun meqjus bħala “…xkiel u, jew sors ta’ kunflitt li jikkawża l-funzjonament tajjeb…” imma dan isir biss b’raġunjiet validi u mhux għax ma jkunx qiegħed jaqbel mad-direzzjoni tal-MCAST.
Il-Partit Nazzjonalista ma jaqbilx li l-‘Grievance Office’ ikun sorveljat mill-Kunsill Amminsitrattiv u għaldaqstant ipproponew li dan għandu jkun jirrapporta lill-Bord tal-Gvernaturi sabiex ikun aktar trasparenti, awtonomu u funzjonabbli. Il-Ministru tal-Edukazzjoni baqa’ jinsisti li ma jaqbilx mingħajr ma ta raġunijiet validi għal dan. Wara dan l-istadju ta’ kumitat, l-MCAST, ser ikun qiegħed iwessa’ aktar ir-rabta mal-Industrija imma wkoll, fuq emenda tal-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jintrabat direttament mas-settur tal-volontarjat u mal-komunità b’mod ġenerali.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess li jkompli jaħdem sabiex l-MCAST iservi l-għan tiegħu, dak li jkun Istituzzjoni indipendenti u awtonoma imma mhux maqbuda mill-politiċi. Kien għalhekk li ntalab li s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni ma jkunx hu stess membru tal-Bord tal-Gverntaruri imma jkollu rappreżentanza, liema talba l-Gvern ma riedx iċedi għaliha għaliex irid iżomm aktar kontroll fuq l-Istituzzjoni tal-MCAST.
//= $special ?>