Lokali Turiżmu

“Illum qed ingawdu frott il-viżjoni fit-tul li kellu Gvern Nazzjonalista għas-settur tal-cruiseliners”

Illum il-ġurnata qed jitgawda l-frott tal-viżjoni fit-tul li minn dejjem kellu Gvern Nazzjonalista għas-settur tal-cruiseliners. Għalhekk huwa importanti li din il-ħidma tkompli sabiex dan is-settur jibqa’ sostenibbli u jibqa’ settur li jkompli jikber u jimxi ‘l quddiem.

Kien dan il-qofol tal-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Ħamis filgħodu għamel żjara fil-cruise liner terminal.  

Mal-wasla tiegħu huwa ntlaqa’ mill-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port Stephen Xuereb kif ukoll minn Ivan Mifsud Direttur Maniġerjali ta’ Mifsud Brothers Ltd.  

Bernard Grech tkellem fost l-oħrajn dwar kemm huwa importanti li jkompli jsir iktar investiment f’dan is-settur biex pajjiżna jkompli jimxi ‘l quddiem.

Nieħu pjaċir li permezz ta’ investiment bil-għaqal fit-tul li filfatt għamel Gvern Nazzjonalista, proprju llum għadna ngawdu dan il-frott. U dan huwa l-mod ta’ kif irid jaħdem dan il-pajjiż li bilgħaqal jinvesti bi pjan biex il-frott ikun wieħed dejjiemi. U allura filwaqt li dejjem nistgħu ntejbu u nkomplu ninvestu u naraw kif nistgħu nsaħħu anke s-servizzi fil-qasam tal-industrija tal-cruiseliners f’pajjiżna, ejjew naraw li dak kollu nagħmlu jkun sostenibbli u fl-istess ħin naraw li aktar nies u aktar kumpaniji jkunu jistgħu wkoll jaraw li għandhom is-saħħa li jistgħu jinvestu għax fl-aħħar mill-aħħar, jinvestu huma, jinvesti l-privat u jkun jista’ jimxi ‘l quddiem il-pajjiż.” 

Bernard Grech kellu l-opportunità li jsegwi mill-qrib il-proċess kollu ta’ x’iseħħ meta t-turisti jaslu pajjiżna permezz ta’ cruiseliner, filwaqt li iltaqa’ ma’ bosta ħaddiema li jkunu qed jassisitu lit-turisti matul dan il-proċess kollu.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port Stephen Xuereb enfasizza l-importanza li l-infrastruttura ta’ pajjiżna tkompli tissaħħaħ mhux biss il-mollijiet iżda anke t-toroq.        

Min-naħa tiegħu d-Direttur Maniġerjali ta’ Mifsud Brothers Ltd. Ivan Mifsud tkellem dwar il-bżonn li f’dan is-settur ma jkunux attirati biss vapuri kbar  lejn pajjiżna iżda anke vapuri iżgħar li jagħżlu proprju l-portijiet Maltin biex jagħmlu ‘home porting’.

Għal din iż-żjara Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Kelliem għas-Settur Marittimu u x-Xogħol Ivan Castillo.