Nhar il-11 ta’ Lulju 2023, il-Laqgħa Ġenerali Ordinarja ħatret Kunsill ġdid li se jmexxi lill-Akkademja tal-Malti għas-sentejn li ġejjin (2023-2025).
Il-Laqgħa Ġenerali saret f’Dar l-Ewropa u għaliha attendew numru sabiħ ta’ msieħba filwaqt li oħrajn għażlu li jsegwu l-Laqgħa b’mod virtwali mill-pjattaforma taż-Zoom.
Il-Laqgħa mxiet skont kif jitlob l-istatut: bdiet bl-approvazzjoni tal-Minuti tal-Laqgħa Ġenerali tas-sena ta’ qabel, l-approvazzjoni tar-Rapport Amministrattiv tas-Segretarju, Joseph P. Borg, u l-approvazzjoni tar-Rapport Finanzjarju tat-Teżoriera, Phyllis Debono.
Fid-diskors tiegħu bħala l-President, George Farrugia saħaq fuq il-ħtieġa li l-Malti jkun imħaddem fl-oqsma kollha tal-ħajja Maltija u l-importanza li titfassal politika lingwistika nazzjonali. Huwa fisser li kull ċittadin Malti għandu d-dritt jinqeda u jitlob kull tip ta’ servizz f’pajjiżu bi lsien art twelidu. Saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li l-ġenituri jitkellmu bil-Malti ma’ wliedhom sa minn età żgħira.
Wara d-diskors tal-President, il-membri ħatru lil Ġużè Gatt, lil John Caruana u lill-Manwel Cutajar bħala tliet kummissarji elettorali biex jeżaminaw in-nominazzjonijiet għall-Kunsill il-ġdid. Billi nominazzjonijiet kien hemm kemm jitlob l-istatut (ħdax) ma kienx hemm ħtieġa li tissejjaħ elezzjoni.
Il-Kunsill il-ġdid huwa magħmul minn George Farrugia (il-President) u Charles Bezzina, Joseph P. Borg, Joseph Buttigieg, Phyllis Debono, Javier Degiorgio, Sergio Grech, Rita Saliba, Manwel Schembri, Doris Zammit u Claire Zerafa. Il-karigi uffiċjali jingħataw fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill.
Fi tmiem il-Laqgħa Ġenerali, Sergio Grech qara r-rapport li ħejja Glen Calleja li attenda f’isem l-Akkademja għall-AGM u l-Burning Issues Forum li dis-sena kien bit-tema tal-Intelliġenza Artifiċjali bit-titlu, “To Bot or Not to Bot: Brave New World of Literature”.
Wara, il-membri preżenti ddiskutew numru ta’ punti dwar il-qagħda preżenti ta’ lsienna, fost oħrajn il-ħtieġa li ċ-ċekkjatur – imwiegħed għal ħafna snin mill-awtoritajiet – ikun tassew f’idejna. Trevor Żahra saħaq fuq il-ħtieġa li t-tfal fil-primarja, aktar milli nħarrġuhom fil-grammatika, niżviluppawlhom kemm jista’ jkun il-ħiliet tal-qari u t-taħdit bil-Malti. Membri oħra fissru t-tħassib tagħhom dwar il-fatt li l-Malti mhuwiex daqstant viżibbli fl-internet u Dwayne Ellul semma l-ħtieġa li lit-tfal jeħtieġ noħolqulhom logħob virtwali bil-Malti kif isir f’lingwi oħra.
//= $special ?>