Enerġija Lokali

L-appell tal-Enemalta lin-nies: “Tħallux l-AC mixgħul għalxejn”

Il-gvern għadu bla soluzzjoni għall-kriżi fid-distribuzzjoni tad-dawl.

Dan ħareġ minn dak li qalet il-Ministru Miriam Dalli waqt briefing fil-binja tal-Enemalta il-Ħamis waranofsinhar, hekk kif ikkonfermat li soluzzjoni finali għall-qtugħ tad-dawl m’għandix. Il-Ministru Dalli sostniet li ‘alternattivi varji qed jiġu esplorati’.

Ir-raġunijiet li ġab il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jonathan Cardona dawn il-ħsarat kienu s-sħana kbira li laqtet lil pajjiżna f’dawn il-ġranet u l-cables li għadhom huma antiki u dawn iridu jinbidlu.

Hu qal li matul il-lejl li għadda biss, l-Enemalta esperjenzat disgħa faults, bil-lokalitajiet l-aktar milquta jkunu Birkirkara u żoni fil-madwar.

Meta mistoqsija dwar il-kumpens li għandu jingħata liċ-ċittadini Maltin, il-Ministru Dalli, għal darb’ oħra wriet in-nuqqas ta’ direzzjoni ta’ dan il-gvern u tat l-istess risposta – ‘li għadhom qed jiġu evalwati alternattivi varji’.

Il-Kap Eżekuttiv Jonathan Cardona appella lill-pubbliku biex jagħmel użu mill-inqas mid-dawl u b’mod responsabbli.

Meta l-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta ġie mistoqsi jekk il-pajjiż hux se jibqa’ f’din il-kriżi jekk is-sħana tippersisti hu qal li dawn il-ħsarat jaf jibqgħu jinqalgħu.