Internazzjonali

L-Ukrajna: Theddida kbira għall-bastimenti merkantili fil-Baħar l-Iswed

Is-sorsi sigrieti fl-Istati Uniti qalu li r-Russja kapaċi tagħti dimensjoni ġdida u aktar qattiela lill-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna. Dan meta mhux eskluż li l-qawwiet tal-Kremlin, ‘il quddiem, wettqu l-attakki diretti u speċifiċi fuq il-bastimenti ċivili u merkantili li qed jużaw ir-rotot fil-Baħar l-Iswed.

Dan ikkonfermah Adam Hodge, is-Segretarju tal-Istampa mal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti li sostna li t-Tmexxija Russa tista’ qed taħseb f’azzjonijiet ostili li jħallu anki konsegwenzi – diretti jew indiretti – għall-popli tal-Punent.

Ftit tal-jiem ilu r-Russja rrifjutat li ġġedded il-ftehim ta’ sena ilu li kien jippermetti għall-esportazzjoni tal-qmuħ mill-Ukrajna permezz tar-rotot fil-Baħar l-Iswed.

U l-Istati Uniti temmen li Moska x’aktarx li qed taħseb fi strateġiji ostili anki għall-bastimenti ta’ pajjiżi oħra fil-Baħar l-Iswed. Dan minkejja li kwalunkwe aggressjoni fuq il-vapuri inkwistjoni kapaċi titqies bħala dikjarazzjoni ta’ gwerra.

Skont il- Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti, ir-Russja, fl-aħħar jiem, qiegħdet kwantità ta’ sea mines addizzjonali fiz-zoni tal-baħar ftit ‘il hinn mill-portijiet tal-Ukrajna.

Dan meta l-Ministeru tad-Difiża Russu stqarr li kwalunkwe bastiment li javviċina xi port tal-Ukrajna għandu jkun ikkunsidrat (mir-Russi) bħala theddida potenzjali minħabba l-possibbiltà li jkun qed iġorr xi tagħmir militari.

Min-naħa tiegħu, Adam Hodge qal li din l-istqarrija qed tikxef il-vera intenzjonijiet tar-Russja – bil-Kremlin, skont hu, diġà qed jipprova jiġġustifika l-attakki fuq kwalunkwe bastimenti ċivili fil-Baħar l-Iswed.

Sadanittant, is-sorsi fl-Istati Uniti jemmnu wkoll li r-Russja qed taħseb biex takkuża lill-Ukrajna għal kwalunkwe attakk li jista’ isir fuq xi bastiment ċivili fil-Baħar l-Iswed.

Intant, ftit hemm tama li r-Russja, ‘il quddiem, se tippermetti estensjoni tal-hekk-imsejjaħ Black Sea Grain Initiative – il-ftehim li kien sponsorjat mit-Turkija u n-Nazzjonijiet Uniti u li permetta biex il-qmuħ li tipproduċi l-Ukrajna jaslu lill-pajjiżi ‘il hinn mir-reġjun.

Il-ftehim inkwistjoni skada fil-bidu tal-ġimgħa u li jfisser li mhemm l-ebda garanziji għas-sigurtà tal-bastimenti mgħobbija bil-qmuħ mill-Ukrajna li jkunu qed jivvaġġjaw mill-Baħar l-Iswed sal-Bosforu – li jgħaqqad dik iz-zona marittima mal-Baħar ta’Marmara.

Sadanittant, l-osservaturi fil-Punent jemmnu li ċ-ċaħda tar-Russja biex iġġedded il-ftehim dwar il-qmuħ kienet parti minn ‘pjan malinn’ biex jisplodu l-prezzijiet tal-ħobż, iċ-ċereali u l-ikel bażiku għal miljuni ta’ nies fl-Ewropa.

U mindu r-Russja warrbet mill-ftehim ta’ sena ilu, il-qawwiet tal-Kremlin fetħu baraxx ta’ missili u drones fuq il-belt tal-port Ukrena ta’ Odesa, bir-riżultat li nqerdet l-infrastruttura agrikola minbarra xi 60,000 tunnellata ta’ qmuħ.