Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea: Kwistjoni taħraq ma’ Londra dwar l-isem tal-Gżejjer Falkland

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Rishi Sunak ikkritika lill-Unjoni Ewropea dwar ‘kliem mhux meqjus’ wara li l-Unjoni dehret li aċċettat l-isem ‘Malvinas’ li l-Arġentina tuża regolarment biex tirreferi għall-Gżejjer Falkland.

Sunak insista li mhux aċċettabbli l-Unjoni Ewropa tikkuntesta b’dan il-mod id-dritt tar-residenti tal-Gżejjer biex jiddeċiedu huma l-futur tagħhom. Dan wara li r-referenza mill-UE għall-Malvinas saret f’dikjarazzjoni matul is-summit riċenti tal-European Union and the Community of Latin American and the Caribbean states– bil-kwistjoni kważi toħloq tilwima diplomatika bejn Londra u Brussell.

Intant, l-Unjoni Ewropea kellha tirtira ir-referenza kontroversjali u għamlitha ċara li l-Gżejjer Falkland jaqgħu taħt is-sovranità tar-Renju Unit skont l-għażla tar-residenti infushom.

F’referendum li kien sar fl-2013, xejn anqas minn 99.8 fil-mija tar-residenti fil-Gżejjer Falkland ivvutaw biex jibqgħu bħala overseas territory tar-Renju Unit…Sitwazzjoni li hi rispettata miċ-Charter tan-Nazzjonijiet Uniti li jorbot lill-Istati membri kollha ta’ din l-Organizzazzjoni ta’ pajjiżi.