“Pass ieħor ‘il quddiem hekk kif il-Qorti tal-appell reġgħet ċaħdet it-talbiet ta’ Steward Healthcare.”
Dan sostnieh id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’post fuq il-midja soċjali hekk kif l-Erbgħa kellna żviluppi ġodda relatati mas-saga tal-isptarijiet.
Kien fi Frar li għadda, meta l-Qorti ddikjarat li l-konċessjoni tat-tliet sptarijiet bejn Vitals u Steward kienet mifnija bi frodi – u għalhekk, id-deal ġie dikjarat bħala null. Iżda wara l-kliem iebes li ħareġ minn din is-sentenza, Steward Health Care appellat għal dak kollu li qalet il-Qorti.
Madanakollu fil-Qorti tal-Appell ippreseduta mill-Imħallfin Mark Chetcuti, Gianninio Caruana Demajo kif ukoll Anthony Ellul ġie miċħuda t-talba ta’ Steward biex issir referenza għall-Qorti Ewropea.
Dan għaliex wara s-sentenza Steward sostniet li l-Qorti ma rrispettatx is-saltna tad-dritt, u dawn huma implikazzjonijiet serji għal pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam mal-investiment internazzjonali. U għalhekk Steward xtaqet tressaq dan il-każ fil-Qorti Ewropea – talba li ġiet rifjutata.
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Appell ċaħdet it-talba sabiex Steward tippreżenta dokumenti ġodda fl-appell. Dan għaliex dawn id-dokumenti mhumiex relevanti fid-deċiżjoni tal-ewwel qorti.
Minn naħa l-oħra, ġiet miċħuda wkoll it-talba tal-Gvern flimkien mal-Avukat Ġenerali, INDIS u Lands Authority sabiex jippreżentaw dokumenti ġodda. U għal darba oħra il-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li dawn id-dokumenti ma kinux jidħlu fil-kompitu tal-ewwel Qorti.
Anke id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ċaħad dawn it-talbiet bil-qawwa kollha. Aktar u aktar wara li Vitals u Steward ma preżentaw kważi ebda prova tul il-proċess kollu fil-kawża li kien fetaħ hu, u li kien rebaħha. B’riżultat li l-isptarijiet reġgħu lura għand il-poplu.
//= $special ?>