Lokali Qorti

Quddiem il-Maġistrat minflok ġuri

Żvolta oħra fil-każ tal-pazjent bi trapjant tal-kliewi, Christopher Bartolo fejn wara li kellu sentenza ta’ ħames snin ħabs  annullata mill-Qorti Kostituzzjonali, issa ġie deċiż li l-każ tiegħu jinstema’ quddiem Maġistrat minflok ma huwa jgħaddi ġuri.

Fl-aħħar seduta li saret quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri kien talbu sabiex l-Avukat Ġenerali joħroġ il-kontro ordni u allura l-każ jintbagħat quddiem il-Qorti tal-Maġistrati minflok quddiem il-Qorti Kriminali li tisma’ l-ġurijiet.

Id-difiża kienet argumentat li minn każ ta’ kilo cannabis issa li tneħħew l-istqarijet, kemm mal-Pulizija kif ukoll dawk ġuramentati issa l-każ spiċċa wieħed dwar 163 gramma, liema ammonti jinstemgħu quddiem Qorti tal-Maġistati u mhux minn ġuri.

Meta l-Ħamis filgħodu ssejjħet il-kawża, l-Avukat Abigail Caruana Vella mill-uffiċċju tal-AĠ infurmat lill-Qorti li kienet qablet mas-sottomissjonijiet tad-difiża u kien se jinħareġ il-kontro ordni b’mod li issa l-każ kellu jinstema minn Maġistrat.

Il-Qorti ħallit il-kawża għal Settembru bl-intediment illi sa dak inhar ikun laħaq inħareġ il-kontro ordni u l-każ jibda jinstema quddiem Qorti tal-Maġistrati.Il-Qorti kienet ordnat li l-istqarrija ta’ Bartolo ma tintużax bħala prova fil-konfront tiegħu. Fl-2017 il-Qorti Kriminali kienet ikkundannat lil Bartolo għal ħames snin ħabs.

Qari sommarju ta’ dik is-sentenza wera li l-biċċa l-kbira tar-raġunament tal-qorti meta ngħatat il-piena, bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Bartolo qabel il-proċess, inkluż id-dikjarazzjoni ġuramentata tiegħu quddiem il-Maġistrat. L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb assistew lil Bartolo.