Lokali

Raġel jitlef ħajtu wara li waqa’ tliet sulari mir-residenza tiegħu fil-Fgura

Raġel ta’ 48 sena tilef ħajtu wara li waqa’ madwar tliet sulari mill-bejt tar-residenza tiegħu fil-Fgura.

L-inċident seħħ il-Ħamis waranofsinhar għall-ħabta tas-2:00 fi Triq il-Karmelitani l-Fgura.

Il-Pulizija marret fil-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li raġel ta’ 48 sena waqa’ minn għoli ta’ madwar tliet sulari wara li prova jinżel minn fuq il-bejt għall-gallarija tal-propjetà tiegħu minħabba li kien issakkar barra.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza sabiex jassistu, iżda sfortunatament ir-raġel kien iċċertifikat mejjet fil-post.

Il-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit kienet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.