Lokali

Robert Abela jitfa’ l-ħtija fuq in-nies u s-soċjetà

Tort tas-soċjetà… tort tal-pajjiż… tort ta’ kulħadd, barra tiegħu.

F’intervista ta’ siegħa li saritlu mill-ġurnalist Karl Azzopardi fil-Gudja, il-Prim Ministru Robert Abela bla mistħija ta’ xejn, tefa’ t-tort fuq is-soċjeta kollha għad-dulur li għaddiet minnu Isabelle Bonnici; l-omm illi tilfet lil binha Jean Paul Sofia fit-traġedja ta’ Kordin – każ li dwaru l-Prim Ministru ma ried b’xejn jagħmel Inkjesta Pubblika; sakemm nhar it-Tnejn spiċċa għamel u-turn.

Abela baqa’ jinsisti illi kien minħabba d-dewmien min-naħa tal-Maġistrat inkwirenti li kellu jsejjaħ inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Sofia. U kważi kważi spiċċa jipprova juri kemm hu kien sensittiv man-nies. Dan minkejja li għal xhur sħaħ baqa’ jinjora l-karba ta’ omm u tal-eluf li ffirmaw il-petizzjoni.

Dan huwa kliem l-istess Prim Ministru li baqa’ insensittiv għal dak li kienet qed titlob il-familja ta’ Jean Paul Sofia…. għal seba’ xhur sħaħ.

B’Robert Abela jipprova jikkonvinċi lin-nies li hu qatt ma eskluda li għandha issir inkejsta pubblika. Dan meta l-Prim Ministru, mill-bidu nett qatt ma ried li ssir din l-inkjesta.

U għal darb’oħra ma naqasx l-attakk tal-Prim Ministru fuq il-membri tal-ġudikatura. Ma naqsux ukoll attakki partiġġjani fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista.

Intant….dwar il-problema tat-traffiku, Robert Abela ammetta li għad fadal xi jsir. Dan filwaqt illi ma offra ebda viżjoni għall-problema taż-żieda bla rażan fil-popolazzjoni … problema li qed twassal ukoll għal pressjoni kbira fuq l-infrastruttura; inkluż fuq is-servizz tal-elettriku, minħabba li d-domanda splodiet.