Lokali

Robert Abela mgiddeb mill-Kamra tal-Avukat

Il-Kamra tal-Avukati gidbet dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela hekk kif qalet li Maġistrat qatt ma titlob estensjoni ta’ terminu.

Il-Kamra tinnota li l-procedura kif titmexxa inkjesta maġisterjali hija regolata mill-Kodiċi Kriminali u li skond il-ligi, Maġistrat għandu sittin ġurnata sabiex jagħlaq inkjesta. Jekk dan ma jsirx, kif tipprovi l-Liġi, il-Maġistrat għandu jlesti rapport li jiġi mgħoddi lill-Avukat Ġenerali fejn jispjega r-raġuni għad-dewmien sabiex l-inkjesta tingħalaq. Imbagħad f’għeluq kull xahar, sakemm tingħalaq l-inkjesta, huwa għandu jħejji rapport kull darba li jintbagħat lill-Avukat Ġenerali.

Il-Kamra tgħid li r-rapport li jintbagħat lill-Avukat Ġenerali huwa wieħed kunfidenzjali u għalhekk il-Kamra tinsab imħassba kif din l-informazzjoni li suppost tibqa’ biss għand l-Avukat Ġenerali, waslet għand il-Prim Ministru.

Il-Kamra tal-Avukati tappella lill-Ministru tal-Ġustizza biex jiddiskuti magħha tibdil fil-proċedura li jista’ jħaffef il-konkluzjonijiet tal-Inkjesti Maġisterjali peress li kull persuna interessata fl-eżitu ta’ Inkjesta
Maġisterjali qed tbati bid-dewmien li numru kbir ta’ inkjesti qed jieħdu sabiex jingħalqu u dan fl-interess tal-Ġustizzja.

Fi stqarrija l-Kamra tal-Avukati tirreferi wkoll għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Prim
Ministru Robert Abela it-Tnejn li għadda dwar l-Inkjesta Magisterjali li għaddejja fuq il-każ tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Il-Kamra tinsab imħassba kif il-Prim Ministru għażel konferenza tal-aħbarijiet sabiex attakka l-istituzzjoni tal-ġudikatura, ġudikatura li jaf tajjeb li mhix f’pożizzjoni tiddefendu ruħha.