Fil-ħames ġurnata tal-Kampjonat tal-Ewropa taż-Żgħażagħ tat-table tennis li qed isir fi Gliwice fil-Polonja, intemmu l-partiti ta’ klassifikazzjoni tat-timijiet.
It-tim tal-irġiel, magħmul minn Conrad Puli, Luke Bonello u Luke Fenech temm fil-35 pożizzjoni wara li għeleb lill-Kosovo 3-1.
It-tim tan-nisa, magħmul minn Anthea Cutajar, Rachel Mifsud u Sabine Darmanin tilfu l-logħba kontra l-Finlandja 3-1 sabiex temmew fis-37 pożizzjoni, l-istess kif għamel it-tim tal-Cadets magħmul minn Neil Incorvaja, Oliver Farrin-Thorne, Sebastian Farrin Thorne u Matthew Zammit li sofrew telfa bl-istess skor kontra l-Latvja.
Fil-kompetizzjonijiet individwali u tad-doubles il-koppja Luke Bonello u Rachel Mifsud għelbu lil Niko Donga u Sofija Hasanu tal-Maċedonja 3-2 filwaqt li bl-istess skor, Conrad Puli u Anthea Cutajar rebħu lil Mushegh Nazaryan u Mora Ghazaryan tal-Armenja.
Fil-kompetizzjoni individwali Neil Incorvaja rebaħ 3-2 lil Alexander Ivanov tal-Iżlanda. Conrad Puli kien ferm viċin li jikseb riżultat pożittiv iżda spiċċa tilef 3-2 kontra Andrej Milosevic tal-Montenegro.
