Il-kriżi tas-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku daħlet f’fażi oħra, hekk kif għat-tielet lejl in fila numru ta’ lokalitajiet u djar reġgħu kienu bla dawl.
F’ċertu lokalitajiet, tant is-sistema mhux tiflaħ li l-Enemalta kellha tieħu l-miżura estrema ta’ “load shedding”, jiġifieri li anke fejn m’hemmx ħsarat xorta taqta’ lil ċertu nies mis-servizz biex is-sistema tkampa, partikolarment fin-Naxxar, il-Mosta u Ħaż-Żebbuġ.
Fi kliem id-deputat tal-PN Mark Anthony Sammut, dan ifisser li s-servizz tad-dawl qed jingħata bir-raxin. Daqqa jkolli d-dawl jien, u daqqa jkollok id-dawl int. Proprju kif jiġri fil-Pakistan.
Il-PN qal illi l-Ministru għandha tieqaf tinsulenta l-intelliġenza tal-poplu u tieqaf tgħid il-ħmerijiet. Il-cables żewġ piedi jew tliet piedi taħt l-art ma jħossux is-sħana ta’ fuq l-art sakemm ma tkunx għaddejja l-lava mit-toroq. Is-sħana li jkun hemm fil-cables hija s-sħana ġġenerata mil-load ta’ kurrent fuq is-sistema, load ikkawżata minn użu akbar ta’ elettriku biex in-nies iżommu l-frisk f’temp sħun, u użu akbar minn pajjiż li dan il-Gvern faqgħu b’popolazzjoni għolja mingħajr ma’ ħaseb għall-infrastruttura.
Wara l-ftaħir kollu fuq l-enerġija u fuq is-suppost investiment li għamlu biex dawn il-problemi ma jiġrux aktar, spiċċajna b’sistema għarkupptejha, fejn fil-maltemp ma jkollniex dawl għax naqilgħu t-tanker, fis-sħana ma jkollniex dawl għax in-network ma jilfaħx, u meta jkollna d-dawl dan jew ikun b’vultaġġ mhux stabbli jew ituna ftit bir-raxin, skont meta jmissna.
Insellmu d-dedikazzjoni u s-sagrifiċċju li qed jagħmlu l-ħaddiema tal-Enemalta, li flimkien mal-konsumaturi Maltin u Għawdxin qed iħallsu l-prezz tal-inkompetenza u l-korruzzjoni.
//= $special ?>