Lokali

Bernard Grech jinnomina lill-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia għal Ġieħ ir-Repubblika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech se jkun qed jinnomina lil Isabelle Bonnici u John Sofia, il-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia għal Ġieħ ir-Repubblika.

F’laqgħa li l-ġenituri kellhom mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, u kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino, twasslet ix-xewqa tal-Kap tal-Partit biex il-ġenituri ta’ Jean Paul ikunu nominati għal dan l-unur tant prestiġjuż.

Fil-kummenti tiegħu matul il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li llum Isabelle u John saru simbolu ta’ għaqda nazzjonali. Simbolu tat-tfittxija għall-verità u l-ġustizzja. Simbolu ta’ mħabba ta’ nazzjon.

L-episodju iebes tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia, huwa episodju li ġarrbu n-nazzjon kollu u l-appelli kontinwa, tal-ġenituri u tal-Partit Nazzjonalista, flimkien ma’ għexieren ta’ eluf oħrajn wassal biex Robert Abela kellu jċedi għall-pressjoni biex issir inkjesta pubblika.

Isabelle u John laqgħu b’umiltà x-xewqa tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista

Fil-jiem li ġejjin il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech se jkun qed jinnomina b’mod uffiċjali lill-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia għal Ġieħ ir-Repubblika.