Ħamsa mill-aqwa talenti Maltin fl-atletika telqu lejn Karljevo fis-Serbja biex jikkompetu fil-Kampjonat tal-Balkani bejn is-Sibt u l-Ħadd. Dan se jservi ta’ test importanti għall-Maltin, bl-avveniment, kompetizzjoni annwali organizzata mill-Assoċjazzjoni tal-Federazzjonijiet tal-Atletika tal-Balkani, tinkludi 22 nazzjon mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.
Din hija l-ewwel darba li l-atleti Maltin qed jieħdu sehem f’dan l-avveniment ta’ profil għoli, u din il-parteċipazzjoni hi possibbli wara ftehim storiku ffirmat sentejn ilu bejn Athletics Malta u l-Federazzjoni tal-Balkani. Dal-ftehim se jippermetti lill-atleti Maltin biex jiksbu esperjenzi importanti u jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet fejn jieħdu sehem uħud mill-aqwa atleti Ewropej.
Erba’ mill-atleti Maltin se jikkompetu fit-trakka, b’Lisa Bezzina fil-5000m u Janet Richard fl-400m. Fost l-irġiel, Luke Micallef u Simon Spiteri se jtellqu flimkien fit-tellieqa tal-5000m. Spiteri se jikkompeti wkoll f’dik ta’ 3000m, filwaqt li Micallef se jieħu sehem fl-ispeċjalità favorita tiegħu, it-3000m steeplechase.
L-unika rappreżentanta ta’ pajjiżna fil-field se tkun Sana Grillo fil-polevault.
Il-ħames atleti Maltin, li kollha rebħu midalji għal Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023, se jkunu akkumpanjati mill-kowċ Zeljko Aras u l-parteċipazzjoni tagħhom hi appoġġjata minn Sport Malta u l-Kumitat Olimpiku Malti.
//= $special ?>