Enerġija Lokali

Il-Ministru Miriam Dalli għandha tirriżenja minnufih – PN

Blackouts spissi jwasslu lill-pajjiżna fi kriżi nazzjonali

Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li l-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli terfa’ r-responsabbiltà u tirriżenja minnufih wara l-kriżi nazzjonali li ħolqot kaġun tal-blackouts kontinwi li pajjiżna ilu jħabbat wiċċu magħhom matul dawn l-aħħar jiem.

Dan intqal matul konferenza tal-aħbarjiet li tellgħat dalgħodu u li kienet indirizzata mill-Kelliem għall-Enerġija u l-Intrapriża Mark Anthony Sammut u kif ukoll il-Kelliem għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Infrastruttura Ryan Callus.

Matul l-istess konferenza tal-aħbarjiet, il-Partit Nazzjonalista elenka l-fatt li l-Ministru Miriam Dalli, bħala kordinatur tal-kommunikazzjoni tal-Ministeru tal-Enerġija, fis-26 ta’ Ġunju 2013, kienet ħarġet stqarrija tgħid “Power blackouts will be a thing of the past”.

Illum din il-wegħda ma nżammitx. Illum pajjiżna qed jesperjenza blackout wara l-ieħor, bil-poplu Malti u Għawdxi jbati l-konsegwenzi tan-nuqqasijiet bil-bosta ħżiena li ħa l-Gvern ta’ Robert Abela fl-aħħar snin.Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Ministru Dalli għadha lanqas biss fehmet x’inhi l-problema meta sserraħ moħħ in-nies li hawn biżżejjed kapaċità ta’ ġenerazzjoni. Il-problema tal-lum mhux il-ġenerazzjoni tal-elettriku imma d-distribuzzjoni tiegħu. Jekk lanqas fehmet il-problema, kif tista’ ssolviha?Il-Partit Nazzjonalista qal ukoll li l-Ministru ma’ għandhiex tkompli tqarraq bil-poplu Malti u Għawdxi meta tgħid li l-problema tan-nuqqasijiet fid-distribuzzjoni tal-elettriku hija s-sħana u mhux il-load, u fl-istess nifs, lin-nies tgħidilhom ma jixegħlux l-AC ħalli ma jżidux il-load.

Il-Gvern ta’ Robert Abela falla fis-settur tal-enerġija. Il-Ministru Miriam Dalli għandha tirriżenja għan-nuqqasijiet tal-aħħar jiem. Għas-sofferenzi li l-poplu għex u għadu jgħix, lejl u nhar.

Il-Gvern ta’ Robert Abela falla fl-ippjanar tal-pajjiż, bi kriżi oħra fil-popolazzjoni, b’pajjiżna ma jiflaħx aktar għan-nuqqas ta’ pjanar u tmexxija ħażina anki fil-ħsieb tal-infrastruttura ta’ pajjżna

Din hija kriżi nazzjonali bla preċedent, li ġiet frott l-inkompetenza, in-nuqqas ta’ ppjanar, u l-korruzzjoni fis-settur tal-enerġija.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-unika triq li baqgħalha l-Ministru Miriam Dalli, li ilha parti integrali minn dan is-settur għal dawn l-aħħar 10 snin, hija li terfa’ r-responsabbilità u tirreżenja, u tħalli f’idejn nies kompetenti.