“Is-sitwazzjoni li jinsabu fiha diversi stabbilimenti tal-ikel u ristoranti kaġun tal-qtugħ fil-provvista tad-dawl hija innaċċettabbli.”
Dan sostnietu l-Assocjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering fi stqarrija, fejn esprimiet tħassib kbir dwar l-impatt negattiv kaġunat minn sigħat twal bla dawl.
L-Assocjazzjoni saħqet li dawn in-negozji qed jitilfu ħafna flus hekk kif uħud minnhom saħansitra qed ikollhom jagħlqu għal ġurnata sħiħa. Apparti mit-telf ta’ klijenti, bosta ristoranti spiċċaw kellhom jarmu ċertu prodotti għaliex kaġun tat-temperatura għolja l-ikel mhux qed jibqa’ tajjeb għal konsum.
Fl-istqarrija l-Assoċjazzjoni tal-Catering sostniet li l-fatt li l-istabbilimenti qed ikollhom jirrifjutaw il-bookings fi żmien fejn ikollhom ħafna nies huwa inaċċettabbli kif ukoll ta’ diżappunt kbir. Dan meta s-sajf, suppost, ikun wiehed mill-aqwa perijodi għal dawn ir-ristoranti.
Huma appellaw lill-Gvern u lill-Enemalta għal azzjoni immedjata filwaqt li saħqu fuq il-bżonn ta’ strateġija ċara għall-enerġija sabiex sitwazzjonijiet bħal dawn ikunu evitati fix-xhur u s-snin li ġejjin.
//= $special ?>