Lokali

Jibqgħu jattakkaw l-Inkjesta Pubblika

Il-Ministri tal-Gvern tal-Labour mhux kollha jaqblu mal-Inkjesta Pubblika, tant hu hekk li uħud minnhom għadhom qed jinsistu fuq in-narrattiva ta’ Robert Abela ċioè, li l-aħjar pass fil-każ ta’ Jean Paul Sofia kellu jkun li ssir biss l-Inkjesta Maġisterjali.

L-Inkjesta Pubblika dwar il-mewt ta’ dan iż-żagħżugħ tħabbret nhar it-Tnejn; f’nofs attakk ta’ paniku mill-Prim Ministru…jiem biss wara li d-Deputati tal-Gvern ivvotaw kontriha.

Il-Ġimgħa waranofsinhar Net News staqsa lill-Membru fil-Kabinett ta’ Abela u eks Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici kif jispjega lin-nies hemm barra il-bidla drastika li kellhom…bil-Ministru jindika li hu għadu tal-fehma li kellha ssir biss l-Inkjesta Maġisterjali.

Dan ifisser li minkejja x-xhur kollha li għaddew, id-Deputati tal-Gvern għadhom ma fehmux jew ma jridux jifhmu l-appell ta’ omm Jean Paul Sofia – li ssir inkjesta pubblika sabiex ebda omm ma terġa tgħaddi mill-istess dulur li għaddejja minnu hi. Sabiex binha ma jkunx miet għalxejn.

Il-Ministru Bonnici kompla fuq in-narrattiva tal-imgħallem tiegħu, b’attakk wieħed wara l-ieħor fuq il-ġudikatura u l-maġistrat Marse-Ann Farrugia, fejn meta Net News saqsieh għalfejn qed jaddotta dan l-aġir huwa saħaq li dan hu dover tiegħu.

Minkejja li għal seba xhur u nofs hu flimkien ma sħabu opponew l-inkjesta pubblika, Bonnici għaraf li l-poplu kien qed jagħmel diversi domandi dwar kif verament seħħew l-affarijiet b’rabta mal-kollass ta’ dik il-binja.

Il-Ministru Bonnici għażel li jinjora l-fatt li għal dawn ix-xhur kollha l-familja taż-żagħżugħ, diversi għaqdiet, akkademiċi u anke l-Partit Nazzjonalista kienu qed jappellaw għal inkjesta pubblika….u kien biss meta l-poplu wera l-għadab serju tiegħu li l-Prim Ministru kellu jċedi.