L-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg kisret il-Kodiċi ta’ Etika meta għaddiet informazzjoni b’rabta mal-inkjesta maġisterjali dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia lil Robert Abela u Jonathan Attard.
Hekk sostna d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fejn spjega li l-artikolu 1 (6) tal-Kodiċi ta’ Etika ippubblikat fuq is-sit tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jipprovdi li l-avukati li jaħdmu l-Uffiċċju tal-Aġenzija tal-Avukat Ġenerali:
“Huma għandhom iżommu d-dokumenti u l-informazzjoni kollha fil-pussess tagħhom kunfidenzjali sakemm ir-rwol tagħhom jew l-interessi tal-ġustizzja ma jirrikjedux mod ieħor.”
Minflok kienet ta’ eżempju għal dawk ta’ madwarha, Victoria Buttigieg għażlet li tikser il-Kodiċi ta’ Etika meta għaddiet informazzjoni lil Robert Abela u lil Jonathan Attard minkejja li kellha obbligu li żżomm dik l-informazzjoni kunfidenzjali. Kif kulħadd jaf, din l-istess informazzjoni intużat minn Robert Abela u Jonathan Attard biex iqarrqu bil-poplu Malti u Għawdxi wara li ilhom xhur sħaħ jirreżistu b’kull mezz u b’saħħa kbira l-karba tal-familja ta’ Jean Paul Sofia u l-insistenza tal-Partit Nazzjonalista li ssir inkjesta pubblika.
Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Avukat Ġenerali għandha minnufih terfa’ r-responsabbiltà u twarrab mill-kariga tagħha.
Din hi l-unika triq onorabbli li fadlilha Victoria Buttigieg.
//= $special ?>