Is-sitwazzjoni tant hi gravi li l-Enemalta ammetiet li anke l-extra cables fallew.
Dan ħareġ waqt briefing ieħor tal-Enemalta, fejn għal darba oħra kollox qed jindika li l-Gvern m’għandux soluzzjoni għal din il-kriżi li qed taffettwa eluf ta’ familji. Dan hekk kif l-Enemalta u l-Gvern qed jibqgħu iwaħħlu fis-sħana li qed nesperjenzaw bħalissa.
Iżda waqt dan il-briefing l-Enemalta ammettiet li ma kinux preparati għal din is-sitwazzjoni hekk kif intqal li fix-xogħol li għaddej bħalissa qed jieħdu prekazzjonijiet addizzjonali sabiex ma jkollniex sitwazzjoni simili għal li għandna bħalissa.
Minn naħa l-oħra meta l-Ministru Miriam Dalli kienet mistoqsija mill-ġurnalisti preżenti jekk tqisx din is-sitwazzjoni bħala kriżi nazzjonali hija qalet biss li din hija sfida filwaqt li infexxett f’attakki partiġġjani.
Apparti minn hekk, hija evitat għal kollox milli twieġeb jekk hux se tirreżenja wara dawn il-problemi kollha li nqalgħu fis-settur tal-enerġija.
Waqt il-briefing – li reġa’ sar bla cameras – intqal ukoll li ż-żoni li għadhom milquta mill-qtugħ tad-dawl huma l-Kalkara, Ħaż Żabbar, il-Kottonera u diversi lokalitajiet fil-madwar. Filwaqt li għal darba oħra l-Enemalta għadha ma tafx meta din is-sitwazzjoni se tirritorna lura għan-normal.
Intant, meta l-ġurnalisti staqsew dwar l-aħbar li xi ħaddiema ġew issuttati bil-bajd l-Enemalta qalet li ma sar l-ebda rapport uffiċċjali dwar xi ħaġa f’dan is-sens. U tefgħet dubji serji dwar kemm din kienet aħbar kienet vera jew le.
//= $special ?>