Għar-raba’ lejl, eluf ta’ familji reġgħu spiċċaw mingħajr il-provvista tad-dawl – bis-servizz tal-elettriku jinqata anke f’Marsaskala, il-Kalkara, Tas-Sliema, Ħal-Luqa, il-Fgura, Ħad-Dingli, Birżebbuġa, Ħaż-Żabbar, Birkirkara, l-Isla, l-Birgu u ż-Żejtun. Dan filwaqt li f’postijiet bħal Santa Venera hemm mijjiet ta’ persuni li ilhom jumejn bla dawl.
Apparti lejl fis-sħana, kienu bosta dawk li qamu għal jum ġdid bla dawl.
Din is-sitwazzjoni qed taffetwa wkoll lil diversi ħwienet li qed isibuha diffiċli biex joperaw, kif ukoll ristoranti li baqgħu magħluqin jew kellhom jarmu xi prodotti tal-ikel.
Il-qtugħ tad-dawl spiċċa jaffetwa wkoll il-festi, inkluż dik tal-Imsida u Santa Venera. Filwaqt li fiż-Żurrieq, anke l-marċ tal-festa spiċċa affetwat – tant li kellhom ibiddlu r-rotta li minnha tgħaddi l-banda.
U minkejja l-frustrazzjoni tan-nies, il-Gvern għadu mhu joffri ebda soluzzjoni konkreta għal din il-kriżi li spiċċa fiha l-pajjiż; bil-Ministru Miriam Dalli tagħżel li ssejjaħ lill-media fil-magħluq, mingħajr cameras u fotografi.
Kien propju f’waħda minn dawn il-laqgħat, meta iċ-Chairperson tal-Enemalta qalilna li n-nies għandhom ikunu responsabbli, anke kif jużaw l-arja kundizzjonata.
Fi stqarrija, intqal illi l-ħaddiema tal-Enemalta qegħdin jaħdmu fuq ħsara oħra li kkawżat interruzzjonijiet f’parti ta’ Ħaż-Żabbar u parti minn Wied il-Għajn.
Timijiet speċjalizzati ta’ inġiniera, tekniċi u tekniċi speċjalizzati li huma armati b’tagħmir li jidentifika fejn tinsab il-ħsara fil-cables, jointers tal-cables, kuntratturi tat-tħaffir tat-toroq u ħaddiema oħra komplew bil-ħidma tagħhom matul il-lejl kollu sabiex jissewwew iktar minn sitt ħsarat li laqtu l-cables ta’ taħt l-art u li kkawżaw uħud mill-interruzzjonijiet matul il-lejl.
Minkejja dan, l-Enemalta xorta ma tatx soluzzjoni għal kif tista’ tiġi ndirizzata din il-kriżi.
//= $special ?>