Lokali

Muscat jgħid “allaħares ma kienx hemm suspetti fuqi”

Fil-Qorti ħareġ li “l-Maġistrat qed tissuspetta fija fuq korruzzjoni. Allaħares ma kelliex suspetti ngħid jien”.

Sostna dan l-eks Mexxej tal-Labour u l-unika Prim Ministru li kellu jirriżnja mill-pożizzjoni tiegħu mill-Indipendenza ‘l hawn, Joseph Muscat. Fejn ironikament minflok qal li mhemmx għafejn ikun hemm suspetti ta’ korruzzjoni fuqu…huwa ta’ xjifhem li s-suspetti huma ovji; iżda ppreċiża jgħid li m’għandu xejn x’jaħbi.

Dan filwaqt li fuq l-istess post fuq il-midja soċjali kompla jattakka l-kredibbiltà tal-Maġistrat Gabriella Vella – aġir sintematiku tal-mexxejja tal-Labour, li jattakkaw lill-ġudikatura meta ma jaqbilx għal widnejhom.

Matul il-jum tal-Ħamis fil-Qorti, instema’ kif it-tfittxija fid-dar tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’Jannar li għadda segwiet digriet tal-Qorti fejn intqal li hemm biżżejjed evidenza illi turi li Muscat possibbilment kien involut f’ħasil ta’ flus u korruzzjoni.

Dan ħareġ fix-xhieda tas-Supretendent James Grech, waqt proċeduri kostituzzjonali li fetaħ Muscat stess – sabiex il-Maġistrat Gabriella Vella titneħħa mill-inkjesta li qed tinvestiga l-kuntratt tal-Vitals u s-saga tat-tlett sptarijiet.

Joseph Muscat allega li d-drittijiet fundamentali tiegħu se jkunu qed jinkisru jekk il-Maġistrat Gabriella Vella tkompli tmexxi din l-inkjesta. Isem Muscat qed ikun investigat f’din l-inkjesta minħabba li kien hu – flimkien ma’ Konrad Mizzi – l-imħuħ wara d-deal skandaluż tat-tliet sptarijiet.

Fil-Qorti, is-supretendent ġie mistoqsi ukoll jekk Muscat ingħatax kopja tad-digriet Maġisterjali, fejn stqarr li sa fejn jiftakar, id-digriet kien preżentat lill-eks Prim Ministru f’folder li ġie mogħti lilu mill-Pulizija.