L-Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku f’Downing Street, fl-aħħar sigħat, żamm lura milli jħabbar reshuffle fil-Gvern wara li l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni kiseb suċċess fil-by-election ta’ Selby and Ainsty, li hi kostitwenza f’Noth Yorkshire u fejn il-Laburisti rnexxielhom jaqilbu maġġoranza ta’ 20,000 għall-Partit Konservattiv fil-Gvern,
Intant, il-possibbiltà ta’ reshuffle ma tistax tkun eskluża ‘il quddiem u meta d-deċiżjoni ewlenija f’dan il-każ għandha tittieħed mill-Prim Ministru u Kap tal-Partit Konservattiv fil-Gvern Rishi Sunak.
Għalkemm il-Kap Laburista Keir Starmer qed ifisser ir-riżultat f’ Selby and Ainsty bħala ‘għajta għall-bidla’ Rishi Sunak xorta insista li wieħed ma jridx jaħseb li l-elezzjoni ġenerali li jmiss se tkun xi walkover għal-Laburisti u l-Partit Liberali Demokratiku.
Dan wara li t-Tories, fl-aħħar sigħat, irnexxielhom iżommu s-siġġu ta’ Uxbridge, and South Ruislip – kostitwenza fiz-zona ta’ Greater London — minkejja t-tbassir preċedenti li l-kostitwenza kienet se taqa’ lil-Laburisti.
Madankollu il-kandidata Sarah Dyke tal-Partit Liberali Demokratiku rnexxielha tirbaħ is-siġġu fil-kostitwenza rurali ta’ Somerton and Frome u fejn il-Konservattivi, qabel, kienu qed igawdu maġġoranza ta’ 19,000.
Min-naħa tiegħu, Ed Davey, li jmexxi lill-Partit tal-‘Lib Dems’, sostna li din ir-rebħa turi li l-votanti Britanniċi qed jingħaqdu f’impenn biex it-Tories ma jibqgħux jamministraw lir-Renju Unit.
L-osservaturi politiċi fir-Renju Unit sadanittant qablu li l-Konservattivi marru ħażin fil-by-elections iżda qalu li r-riżultati għalihom ma kenux diżastrużi daqskemm wieħed stenna.
Dan għaliex id-disfatta għal-Laburisti fl-eżami ta’ Uxbridge and South Ruislip turi, ftit jew wisq, li l-appoġġ ġenerali għall-Partit fl-Oppożizzjoni jista’ mhux daqstant qawwi sal-punt li jaċċerta trijonf u bidla fuq bażi nazzjonali.
U minkejja r-rebħa f’ Somerton and Frome, il-Liberali Demokratiċi huma partit żgħir bir-riżorsi limitati u li ftit jista’ iħalli impatt daqstant qawwi f’elezzjoni ġenerali – għalkemm kapaċi xorta jkun parti minn Gvern ta’ koalizzjoni bħalma rajna diġà fil-passat.
Għaldaqstant, it-Tories ta’ Sunak għad fadlilhom iż-żmien biex jirkupraw l-appoġġ li ntilef fl-aħħar xhur u fost rapporti li l-partit fil-Gvern se juża ż-żmien li fadallu biex jindirizza l-aktar issues li qed jinkwetaw lill-poplu – fosthom ‘l-isplużjoni’ fil-prezzijiet tal-ikel u affarijiet bażiċi oħra għall-ħajja.
//= $special ?>