Inkonsistenti u ma tafx fejn qiegħed miegħu. Ibiddel fehmtu mil-lejl għal nhar, u jrid jara fuq min se jkun qiegħed ifarfar l-aġir tiegħu.
Hekk qed ikun deskritt internament fil-Labour il-Prim Ministru Robert Abela … hekk kif lura minn jumejn fuq il-baħar kellu illuminazzjoni, u wara 7 xhur u nofs jopponi b’saħħa l-inkjesta pubblika spiċċa kellu xorta jiftaħ dik li fi kliemu qed isejħilha inkjesta amministrattiva.
L-ironija hi li wara 7 xhur juri zero empatija lejn omm titolbu bi dmugħ f’għajnejha biex jiftaħ inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt ta’ binha – sabiex l-ebda omm ma tgħaddi mill-istess dulur – qed jipprova jimplika li l-Partit Nazzjonalista mhux jingħaqad mal-kawża Laburista. Dan wara li sal-ġimgħa l-oħra, qalb rabja kbira ta’ poplu, huwa vvota kontra l-mozzjoni Nazzjonalista sabiex jiftaħ inkjesta pubblika.
Kien it-Tnejn filgħaxija, fost pressjoni kbira interna u b’velja ta’ eluf ta’ nies qed titħejja taħt l-uffiċċju tiegħu f’Kastilja, Abela kellu jċedi : qalb u-turns u attakki fuq il-ġudikatura.
Assassinju tal-karattru sistematiku fuq il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia; hekk kif waqt li fejn jaqbillu Robert Abela jipoppa sidru u jħambaq biex l-istituzzjonijiet jitħallew jaħdmu … issa mhu jiddejjaq xejn jattakka lil din il-Maġistrat.
Dan fost allegazzjonijiet li l-Prim Ministru nnifsu gideb fuq il-Maġistrat meta ndirizza lill-poplu – meta qal li ġie infurmat li din talbet għal estensjoni – fatt li qatt ma setgħa jkun realtà għaliex m’għandiex għalfejn titlob estensjoni. Apparti l-fatt li wieħed awtomatikament jistaqsi jekk kinitx l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg li infurmatu – kontra kull etika.
Il-Ħamis filgħaxija, qabel il-laqgħa urġenti tal-Eżekuttiv, Net News staqsa lil Abela għal darbtejn kif ġie infurmat….iżda fl-ebda mument ma ċaħad li kienet Buttigieg li nfurmatu. Filwaqt li issa kkoreġa l-gidba…hekk kif ammetta li hi ma talbitx estensjoni iżda irrapportat.
Abela issokta bl-attakk fuq il-Maġistrat Farrugia iżda fl-ebda mument ma ċaħad li l-Avukat Ġenerali tgħarfitlu b’dak li kien qed iseħħ – b’allegazzjonijiet li din kienet manuvra sħiħa biex isalva ġildu… a skapitu tal-istess Maġistrat.
Intant filwaqt li Abela qed jiprova jagħti x’jifhem li huwa favur inkjesta pubblika…minkejja li sat-Tnejn kien tenna li jemmen li mhux l-aħjar soluzzjoni….il-midja Laburista kompliet bl-aġenda tagħha biex b’mod sottili tagħti x’tifhem li l-inkjesta pubblika ħażina.
Dan hekk kif bi prominenza rrapportat kif l-akkużati b’rabta mal-mewt ta’ Miriam Pace iridu jistennew l-eżitu tal-istess inkjesta pubblika; daqslikieku jridu jagħtu x’jifhmu li issa dan kollu se jżid id-dewmien.
Prontament kienet omm Jean Paul Sofia li wieġbet, u ġustament saħqet li kieku mal-mewt ta’ Miriam Pace infetħet inkjesta pubblika…kieku binha Jean Paul forsi għadu ħaj.
//= $special ?>