Il-Partit Nazzjonalista, waqt li jirringrazzja lil dawk kollha li qed jagħti sehemhom fi Skola Sajf, jinnota kif minn sena għal sena, Skola Sajf qed tesperjenza l-istess diffikultajiet tant li llum għandna sistema falluta mill-aspett amministrattiv.
Dan ħareġ fi stqarrija mid-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Justin Schembri.
Huwa evidenti biżżejjed, li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) ma għandhiex viżjoni aġġornata għal kif Skola Sajf tista’ tikber u tilħaq għanijiet edukattivi aktar olistiċi. Sal-lum, is-servizz li qed toffri jibqa’ ma jilħaqx l-aspettattivi edukattivi li għandu jkollu programm bħal dan sabiex ikun hemm kontinwazzjoni bejn sena skolastika u oħra.
Minħabba nuqqas serju ta’ Play Workers u Child Support Workers, għal darb’oħra, Skola Sajf għandha sitwazzjoni li mhix maniġabbli, b’numru sostanzjali ta’ Ċentri li qed jakkomodaw għal numri ta’ studenti ferm akbar minn kemm jistgħu jieħdu. Huwa innutat, b’dispjaċir, li Skola Sajf mhix inklussiva għalkollox għax ma għandhiex biżżejjed Child Support Workers li jaqdu l-funzjoni ta’ Learning Support Educators, b’konsegwenza li CSWs assenjati one-to-one qed jassistu tliet studenti minflok, u dan qed iħalli studenti li għandu jkollhom assistenza ‘shared’ kompletament waħedhom tul il-jum kollu.
L-FES qed tibqa’, minn sena għal sena, tilqa’ l-applikazzjonijiet għat-tfal meta ma jkollhiex biżżejjed Play Workers u Child Support Workers ingaġġati għax mhumiex imħallsin kif mistenni. Dan qed iwassal biex il-klassijiet ikunu ffullati żżejjed u minħabba f’hekk ma jistax jingħata s-servizz li għandu jingħata. Il-Partit Nazzjonalista jidhirlu li s-Sistema għandha tkun ristrutturata, u l-ewwel għandu jkun stabbilit numerus clausus għal kull ċentru ibbażat fuq id-daqs u r-riżorsi taċ-ċentru. Wara għandu jkun deċiż kemm jistgħu jinfetħu klassijiet dejjem skont ir-riżorsi umani qabel jinfetħu l-applikazzjonijiet għat-tfal. B’hekk biss jista’ jkollna ċentri jiffunzjonaw bl-ammont ta’ studenti u staff li jifilħu.
Il-Partit Nazzjonalista jqis ukoll li s-servizz ta’ Skola Sajf fi klassijiet sħan wisq b’uħud saħansitra mingħajr fannijiet huwa insult lejn il-wegħdiet kontinwi tal-Gvern li spiss wiegħed arja kkundizzjonata għall-klassijiet kollha fl-iskejjel kollha.
Il-Partit Nazzjonalista jappella sabiex Skola Sajf tkun ristrutturata mill-ġdid sabiex tibda tilħaq aspettattivi denji u mhux isservi biss bħala paraventu għall-ġenituri li jaħdmu.
//= $special ?>