Internazzjonali

Stati Uniti: Imut il-kantant Tony Bennett wara karriera ta’ 80 sena…Jibqa’ magħruf l-aktar għall-kanzunetta (I Left My Heart) In San Francisco

Tony Bennett, il-kantant-esponent leġġendarju tal-ballads u l-mużika jazz, miet fl-età ta’ 96 sena fi New York – il-belt fejn trabba u li ismu sar sinonimu magħha. Ma ssemmiet l-ebda kawża tal-mewt iżda magħruf li Bennett instab li kien qed ibati bil-marda Alzheimer’s, fl-2016.

Tony Bennett kien meqjus bħala ġgant fost ġenerazzjoni ta’ kantanti – jew crooners – li kienu jinkludu lil Frank Sinatra, Dean Martin u Perry Como. U l-kanzunetti tiegħu fosthom The Way You Look Tonight, Body and Soul u l-famuża (I Left My Heart) In San Francisco ferrħu l-miljuni tan-nies madwar id-dinja li huma dilettanti tas-slow ballads b’arranġamenti tal-jazz.

Bennett anki kollabora ma’ kantanti ħafna iżgħar minnu bħal Lady Gaga waqt li kien involut f’shows jew ‘extravaganzas’ mużikali ma’ Frank Sinatra u Aretha Franklin fost oħrajn.

Il-karriera ta’ Tony Bennett damet għal xi 80 sena u fejn hu biegħ il-miljuni tad-diski minbarra li rebaħ 20 Grammy Award, fosthom lifetime achievement award bħala rikonoxximent għall-kontribut tiegħu lill-mużika.