Enerġija Lokali

ARA: In-nies jesprimu l-frustrazzjoni tagħhom wara jiem sħaħ bla dawl

“Min ma  jmexxix sew, għandu jitlaq mill-Parlament u jirreżenja”.

Dan kien is-sentiment fost in-nies, meta is-Sibt filgħodu NetNews staqsa dwar l-impatt li qed tħalli din il-kriżi tal-qtugħ fil-provvistà tad-dawl….fejn ħafna stqarrew maghna kif din is-sitwazzjoni affetwat lill-pajjiż kollu, fl-eqqel tas-sajf Malti. Dan hekk kif bħalissa pajjiżna qed jaffaċja mewġa ta’ sħana kiefra.

Oħrajn stqarrew li saħansitra kellhom anke jarmu l-ikel tagħhom, wara li inqatalhom d-dawl għal sigħat sħaħ.

Intant, l-Enemalta fi stqarrija qalet li l-Ġimgħa filgħaxija, il-kumpanija rreġistrat seba’ ħsarat prinċipali fin-network tal-vultaġġ għoli, bil-maġġoranza ta’ dawn il-problemi ikunu ikkawżati minn ħsarat fil-cables ta’ taħt l-art.

L-Enemalta qalet illi l-proċess biex jissewwew il-ħsarat fil-cables ta’ taħt l-art jieħu ammont konsiderevoli ta’ ħin u jinvolvi ħafna timijiet ta’ ħaddiema speċjalizzati u kuntratturi, sabiex ikun jista’ jiġi identifikat il-punt eżatt tal-ħsara fil-cables.

U peress li dawn il-cables ikunu taħt it-toroq, irid isir tħaffir fil-punt identifikat ….. u wara, jsir ittestjar qabel dawn jintużaw biex jipprovdu l-elettriku. Fi kliem semplici, il-problemi tal-cables jidher illi se jippersistu għall-ġranet li ġejjin.