Waqt li Malta qed tiffaċja kriżi nazzjonali dwar il-qtugħ tad-dawl, id-Deputati Laburisti iridu jgawdu s-sajf.
Id-Deputati Nazzjonalisti fuq il-Kumitat tal-PAC, iċ-Chairperson Darren Carrabot, flimkien ma’ Graham Bencini u Robert Cutajar, fl-aħħar laqgħa pproponew li jkomplu bis-seduti matul ix-xhur tas-sajf fl-investigazzjoni dwar il-proġett tal-power station – iżda jidher li d-Deputati Laburisti ma jridux.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota li minkejja li Eks Prim Ministru Joseph Muscat kkonferma li jista’ jattendi u jkompli jixhed fis-seduta li jmiss fl-1 ta’ Awwissu 2023, żewġ deputati Laburisti fuq il-Kumitat, il-Whip Andy Ellul u l-Ministru Clayton Bartolo ma jridux jattendu u ma jridux jibgħatu sostitut minflokhom kif jiġri normalment – anzi eżiġew li huma jistgħu jiltaqħgu wara l-ftuħ tal-Parlament, jiġifieri wara l-1 ta’ Ottubru 2023.
Dan kollu huwa ironiku speċjalment fiċ-ċirkostanzi li qed jiffaċja pajjiżna bħalissa. Għaliex l-PAC bħalissa qiegħed jinvestiga l-għotja tal-kuntratti mill-Enemalta lill-konsorzju tal-Electrogas dwar il-powerstation il-ġdida, u l-membri deputati Laburisti ma jridux jiltaqgħu fis-sajf waqt li Malta qed taffaċja kriżi nazzjonali dwar il-qtugħ tad-dawl.
Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li jkun aħjar kieku d-deputati tal-Gvern jingħaqdu mad-deputati Nazzjonalisti u jistaqsi d-domandi veri li l-poplu ħaqqu jisma’ r-risposti tagħhom – b’mod speċjali meta rridu nassiguraw għalfejn il-fondi pubbliċi ma ntefqux bl-aħjar mod biex kieku llum pajjiżna mhux għaddej minn kriżi nazzjonali. Ironikament, “fid-dawl” ta’ dan kollu huwa iktar importanti li titkompla l-investigazzjoni dwar il-kuntratt tal-Electrogas għax iktar ma jgħaddi żmien iktar qed joħroġ ċar li għal korruzzjoni qed inħallsu aħna, il-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>