Ħames persuni ġew arrestati b’rabta mal-każ taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia illi seħħ f’Diċembru li għadda.
Il-ħames persuni jinkludu lill-iżviluppaturi Kurt Buhagiar u Matthew Schembri kif ukoll il-perit Adriana Zammit u l-kuntrattur Miromir Milosovic.
Fi stqarrija, il-Pulizija ikkonfermaw li saru l-arresti – iżda ma semmewx ismijiet.
Jean Paul Sofia tilef ħajtu traġikament wara li kkrollat binja f’Kordin, u tul dawn ix-xhur kollha l-Pulizija kienu għadhom ma wettqu ebda arresti. Dan għaliex il-Kummissarju Angelo Gafà, skont kif qalilna hu stess, kien qed jistenna l-Inkjesta Maġisterjali tiġi konkluża.
Il-liġi iżda ma żżommx lill-Pulizija milli jipproċedu, anke f’każ li inkjesta tkun għadha għaddejja.
Fil-jiem li ġejjin se jkun qed jingħata bidu għal Inkjesta Pubblika li kellha tiġi appuntata wara l-pressjoni enormi li saret fuq il-Prim Ministru, u wara li Robert Abela spiċċa dahru mal-ħajt. Sa issa, ħadd għadu ma jaf x’se jkunu t-termini li fihom se taħdem din l-Inkjesta.
Fit-traġedja li ħasdet il-ħajja ta’ Sofia kien hemm involuti ħames persuni oħra. Dawn kienu tliet Albanizi ta’ 53, 24 u 21 sena, raġel mill-Bosnja ta’ 69 sena u Malti minn San Pawl il-Baħar ta’ 43 sena.
Il-Bord li se jmexxi din l-Inkjesta Pubblika b’rabta mat-traġedja ta’ Sofia diġa’ għandu quddiemu talba sabiex jistħarreġ allegazzjoni serja dwar flus li ingħataw il-ħaddiema barranin ħalli jagħlqu ħalqhom u ma jgħidu xejn dwar dak li seħħ f’Kordin f’Diċembru li għadda. L-allegazzjonijiet jindikaw li l-ħames feruti tħallsu somma flus biex ma jitkellmux. U l-barranin intbagħtu lura pajjiżhom biex żgur ma jiftħux ħalqhom. Dan minkejja li wieħed allegatament tilef il-vista minn għajn wahda u li ieħor tilef sieq waħda.
//= $special ?>