Fl-aħħar jiem, prattikament il-pajjiż kollu, kien affetwat minn blackouts totali ta’ qtugħ kontinwu fil-provvista tad-dawl. Apparti l-effetti negattivi li dan ħalla fuq ħafna residenzi u negozji, ġew affetwati ħażin ukoll diversi raħħala li jrabbu l-annimali tal-irziezet.
Dan intqal fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista maħruġa mid-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Toni Bezzina.
Diversi rziezet spiċċaw bla dawl għal ħin twil, f’perjodu fejn pajjiżna qed jaffaċċja mewġa ta’ sħana qawwija. Il-konsegwenza kienet li mietu diversi annimali bis-sħana għaliex is-sistemi li jkessħu l-irziezet ma kellhomx dawl biex jaħdmu. Apparti li dan ifisser ukoll telf ta’ eluf ta’ ewro għal dawn ir-raħħala intortament, dan wassal għal tbatija kbira għal dawn l-annimali.
X’kumpens se jkun qed jagħti l-Gvern ta’ Robert Abela lil dawn ir-raħħala meta nafu li r-raġuni għala qed jinqata’ d-dawl hija n-nuqqas ta’ pjanar fid-distribuzzjoni ta’ elettriku? Għalkemm huwa ovvju li l-popolazzjoni f’pajjiżna f’ dawn l-aħħar snin esperjenzat żieda sostanzjali u sproporzjonata, il-Gvern naqas minn dmiru meta qiegħed ifalli kontinwament milli jipprovdi distribuzzjoni effettiva biex tilħaq mad-domanda tal-pajjiż.
//= $special ?>