Enerġija Lokali

Il-kriżi nazzjonali tal-blackouts tkompli – PN

Għas-sitt ġurnata infila kompliet għaddejja l-kriżi nazzjonali tal-elettriku, kriżi bla preċedent fl-istorja, b’għadd ta’ blackouts jibqgħu jippersistu madwar Malta u Għawdex.

Għal Robert Abela imma din il-kriżi hija waħda “partiġġjana”, u rrifjuta li llum il-Parlament jitlaqqa’ b’urġenza biex niddiskutu din il-kriżi nazzjonali.

F’messaġġ li kiteb il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ġie mtenni li għal Robert Abela jekk tiddiskuti l-qtugħ tad-dawl, din il-kriżi nazzjonali, qed tkun partiġġjan. Robert Anela ma jimpurtahx li int ma stajtx torqod bil-lejl, li kellek tarmi l-ikel, li ma stajtx tmur għax-xogħol, għax għal Robert Abela, li niddiskutu din il-kriżi nazzjonali, fejn il-poplu qed ibati, mhux prijorità.

Il-Kap tal-Partit Nazjonalista qal li għall-Partit Nazzjonalista l-Maltin u l-Għawdxin huma prijorità. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ mal-poplu u mhux maqtugħ mir-realtà. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jisħaq li jkun hemm investiment xieraq fid-distribuzzjoni tal-elettriku u li l-poplu Malti jkun ikkumpensat għal dan id-danni li qed isofri.

Il-blackouts li l-poplu qed isofri huma frott il-politika ta’ dan il-Gvern li faqa’ lill-pajjiż biż-żieda fil-popolazzjoni taċ-cheap labour, mingħajr ma ħaseb għall-infrastruttura.

Huwa surreali li wara għaxar snin ta’ Gvern Laburista, il-Ministru Miriam Dalli għadha twaħħal fil-Partit Nazzjonalista għal dan ir-rebus, meta kien il-Gvern li tagħmel parti minnu hi li għażel li jżid il-popolazzjoni b’aktar minn mija u għoxrin elf ruħ mingħajr ma ppjana.

Illum il-ħaddiema tal-Enemalta u l-poplu Malti u Għawdxi qed iħallsu l-prezz tal-inkompetenza, in-nuqqas ta’ ppjanar u l-korruzzjoni fis-settur tal-enerġija.

Quddiem dan il-falliment totali ta’ Miriam Dalli u ta’ Robert Abela fil-qasam tal-enerġija, falliment li n-nies qed jarawh fid-dlam li qed jesperjenzaw u qed iħossuh fl-għaraq nieżel magħhom lejl u nhar, il-Ministru ma baqgħalhiex triq oħra ħlief li terfa’ r-responsabbilità politika u tirreżenja