Lokali

“Ir-restawr tan-natura huwa fundamentali għall-kwalità tal-ħajja tagħna” – ADPD

“Il-proposti dwar ir-restawr tan-natura li ġew approvati fil-Parlament Ewropew ġimgħa ilu huma biss il-bidu imma jistgħu iwasslu għal titjib fil-qagħda ambjentali fuq medda ta’ żmien. Hemm nuqqas serju t’għarfien dwar l-importanza tan-natura f’ħajjitna. Din hija fundamentali mhux biss għall-kwalità tal-ħajja imma iktar għall-istess eżistenza tagħna. Irridu nieħdu l-azzjonijiet neċessarji qabel ma jkun tard wisq.”

Dan sostnietu l-ADPD waqt li indirizzat konferenza tal-aħbarijiet fil-Ponta taż-Żonqor, f’Marsaskala.

Irreferiet għall-Istrateġija tal-Għadis imħabbra fl-2022 li minkejja l-objettivi tagħha b’numru ta’ azzjonijiet speċifiċi li kellhom jitwettqu, ftit li xejn ġie nnutat progress. L-aktar punt ta’ tħassib huwa li dan is-settur għadu nieqes minn entità li tkun responsabbli għal dawn iż-żoni u b’definizzjoni ċara taħt il-liġi, li taħdem flimkien mal-għaqdiet kollha fost affarijiet oħra.

Irreferiet ukoll għall-proposti għar-restawr tan-natura li ġew approvati mill-Parlament Ewropew aktar kmieni dan ix-xahar. L-għan ewlieni tal-proposti huwa li l-ħarsien ekoloġiku ma’ jibqax eżerċizzju fuq il-karta imma jkun tradott f’realtà.

Hawnhekk intqal li bis-saħħa ta’ dawn il-proposti, li huma parti integrali mill-Patt Aħdar Ewropew (EU Green Deal) ikunu stabbiliti miri għar-restawr tal-ekosistemi kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar.

Il-ħsara ambjentali qed tħalli impatt kumulattiva fuq il-kwalità tal-ħajja – fuq il-klima, il-kwalità tal-arja u s-sigurtà tal-ikel.

Waqt il-konferenza intqal li l-proposti li ġew approvati huma biss il-bidu imma jistgħu iwasslu għal titjib fuq medda ta’ żmien. Madanakollu hemm bżonn konsistenza ma dak li jintqal filwaqt li jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji qabel ma jkun tard wisq.