Żewġ persuni arrestati b’rabta mal-każ ta’ Jean Paul Sofia ma nħelsux mill-arrest.
Din kienet id-deċiżjoni li ta l-Maġistrat Ian Farrugia wara li s-Sibt filgħodu l-Qorti kellha tiftaħ b’urġenza.
Permezz ta’ rikors li ġie preżentat fil-Qorti, l-avukati ta’ tnejn mill-ħames persuni li ġew arrestati b’rabta mal-każ ta’ Jean Paul Sofia insistew li l-arrest tagħhom kien illegali. Dan wara li l-Pulizija lanqas biss ingħataw kopja sħiħ tal-inkjesta li ġiet konkluża mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia.
L-avukati ta’ Matthew Schembri u Kurt Buhagiar qed jgħidu l-Avukat Ġenerali “qed iċċaħħad lill-Pulizija minn kopja sħiħa tal-inkjesta”.
Fir-rikors, l-avukati saqsew kif tista’ l-Pulizija tagħmel dawn l-arresti meta m’għandiex evidenza għad-dispożizzjoni tagħha. U għalhekk jinsistu li dawn l-arresti kienu illegali.
S’issa għadu mhux ċar għaliex l-Avukat Ġenerali ma tatx kopja tal-Inkjesta Maġisterjali lill-Kummissarju Gafà. Meta hemm ukoll talba saħansitra mill-Prim Ministru innifsu li jrid kopja hu.
FIl-Qorti quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, l-Ispettur tal-Pulizija Paul Camilleri qal li meta lbieraħ filgħaxija sejħu għal Matthew Schembri u Kurt Buhagiar huma marru fl-għassa ta’ Raħal Ġdid, iżda sa dak il-ħin il-Pulizija kellha biss f’idejha l-koklużjonijiet tal-inkjesta maġisterjali u mhux id-dokumenti tal-inkjesta kollha.
Kien biss dalgħodu wara li saret it-talba mill-Avukati ta’ Schembri u Buhagiar li l-Ispettur talab lill-Avukat Ġenerali sabiex tagħtihom kopja tad-dokumenti kollha tal-inkjestsa maġisterjali dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Bl-Avukat Ġenerali tgħid li se tkun qed tgħaddi kopja lill-Pulizija u ank lill-Avukati Difensuri hekk kif jitlesta l-vetting kollu tal-volumi kollha ta’ din l-inkjesta.
Quddiem dan kollu l-Avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Jacob Magri qed itennu l-argument tagħhom li l-arrest ta’ dawn iz-żewġ suspettati kien wieħed illegali.
Għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed jidhru d-Deputy AG l-Avukat Philip Galea Farrugia u l-Avukat Abigail Caruana Vella.
Id-dokumenti kollha ta’ din l-inkjesta maġisterjali jammontaw għal madwar 5 kaxxi… b’total ta’ madwar 18-il volum.
//= $special ?>