Il-Malta Developers Association tilqa l-publikazzjoni tal-Avviż Legali L.N 166 ta l-2023 li permezz tiegħu il-liċenzjar tal-kuntratturi sar liġi. Din kienet xi ħaġa illi l-MDA ilha tisħaq fuqha għal bosta snin.
Madankollu, l-MDA hija diżappuntata ħafna u ma tistax tifhem għaliex l-obbligu talkuntratturi li jkunu koperti b’polza ta’ assigurazzjoni adegwata li tkopri l-propjetajiet u d-danni ta’ terzi, kif ukoll l-impjegati tal-kuntrattur, ma sarx obbligatorju fl-istadju talliċenzjar u f’kull stadju ta’ tiġdid.
Dan idgħajjef l-Avviż Legali l-ġdid u jagħmlu ineffettiv tant li mhux se jikseb ir-riżultati mixtieqa minnu.
Huwa inkonċepibbli kif quddiem il-ġrajjiet riċenti dwar imwiet fl-industrija tal-kostruzzjoni, il-Gvern għażel li ma jdaħħalx dan l-obbligu fuq min irid jopera bħala kuntrattur.
L-MDA tappella lill-Ministru responsabbli biex jemenda dawn ir-regolamenti u bosta regolamenti oħra sabiex jitjiebu l-istandards ta’ kwalità u sigurtà tal-industrija tal-kostruzzjoni. Neħtieġu qafas legali li jiżgura li kuntratturi kwalifikati u kompetenti biss ikunu liċenzjati biex joperaw f’Malta. Xi ħaġa inqas se tpoġġi s-sigurtà tal-pubbliku u l-impjegati tal-kuntrattur f’riskju.
//= $special ?>