Formula 1 Sport

Lewis Hamilton jibda fl-ewwel post fl-Ungerija

(Ritratt: EPA)

Is-sewwieq Ingliż ta’ Mercedes, Lewis Hamilton se jibda t-tellieqa t’ għada fl-Ungerija fl-ewwel post wara li għeleb lil Verstappen b’distakk vera minimu ta’ 0.003 sekondi.

Din hija l-ewwel darba li Hamilton se jibda tellieqa f’pożizzjoni aħjar minn Verstappen mill-2021, bis-sewwieq ta’ Red Bull jibda t-tellieqa fit-tieni post.

Fit-tielet post temm il-kwalifika Lando Norris ta’ McLaren, segwit minn sieħbu ta’ l-istess tim Oscar Piastri.

Zhou Guanya ta’ Alfa Romeo ħasad lil kulħadd hekk kif temm fil-ħames post, filwaqt li l-andament ħażin għal Ferrari jitkompla hekk kif Charles Leclerc temm fis-sitt post.

Is-sewwieq l-ieħor ta’ Alfa Romeo Valtteri Bottas kien is-seba’ sewwieq l-iktar veloċi, fejn għeleb lil Fernando Alonso ta’ Aston Martin fit-tmien post.

Sergio Perez ta’ Red Bull u Nico Hulkenberg ta’ Haas kienu l-aħħar żewġ sewwieqa li għamluha mal-ewwel għaxra.