Enerġija Lokali

Miriam Dalli ma tammettix li s-sistema tal-elettriku kkollassat

Il-Ministru Miriam Dalli qed tibqa’ tirrifjuta illi tammetti li kkollssat is-sistema tal-elettriku u li hemm bżonn investiment fl-infrastruttura.

Waqt intervista mal-Professur Andrew Azzopardi fuq l-istazzjon 103 Miriam Dalli uriet biċ-ċar illi għadha ma tridx taċċetta li pajjiżna jinsab fi kriżi nazzjonali.

Waqt din l-intervista l-Ministru Miriam Dalli lanqas biss tat indikazzjoni dwar meta din is-sitwazzjoni se tiġi lura għan-normal. U minflok, hija kompliet twaħħal fil-mewġa tas-sħana li qed taħkem lill-pajjiżna.

Dan ifisser li, possibbilment, eluf ta’ familji se jqgħattu aktar ġranet bla dawl.

Barra minn hekk, meta l-Ministru ġiet mistoqsija jekk għandix tirreżenja wara dan il-falliment fis-settur tal-enerġija hija infexxet f’attakki partiġġjani fuq il-Partit Nazzjonalista.

Hi spiċċat qalet li ma jinteressahiex minn dak li qed jgħid il-Partit Nazzjonalista, b’Andrew Azzopardi jċanfar lil Dalli għal dan id-diskors.

Waqt din l-intervista Miriam Dalli qablet mal-Professur Andrew Azzopardi li din is-sitwazzjoni tal-qtugħ tad-dawl hija inaċċettabbli għalkemm baqgħet ma tat ebda soluzzjonijiet.