Futbol Sport

Tazza tad-Dinja tan-Nisa: Iċ-champions mondjali jibdew b’rebħa mingħajr tbatija kontra l-Vietnam

STATI UNITI………..3

VIETNAM……………0

Illum daħlu fl-azzjoni ċ-champions tad-dinja l-Istati Uniti li fetħu l-impenji fi Grupp E b’rebħa ta’ 3-0 b’dominanza assoluta kontra l-Vietnam.

L-Istati Uniti fetħu l-iskor fl-14-il minuta minn azzjoni mibdija minn Lindsey Horan li għaddiet ‘il quddiem lejn Alex Morgan, bil-plejer ta’ San Diego Wave bit-takkuna mill-ewwel tqassam lejn Sophia Smith li avvanzat u minn qagħda ftit angolata b’xutt fil-baxx għelbet lil Kim Tran Thi.

Fl-40 minuta l-Istati Uniti ngħataw penalty wara konsultazzjoni mal-VAR, meta Hoang Thi kkommettit foul fil-kaxxa fuq Rodman, iżda mill-11-il metru Alex Morgan rat ix-xutt ikun milqugħ minn Tran Thi bit-tieni tentattiv mir-rebound ikun blukkat mid-difiża.

Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima l-iskwadra mmexxija minn Vlatko Andonovski għamluhom tnejn meta l kross ta’ Girma kien imtajjar parzjalment mill-goalkeeper tal-Vietnam, bil-ballun jaqa’ f’saqajn Sophia Smith li b’xutt fil-baxx skorjat it-tieni gowl għall-Amerikani u għaliha personali.

Wara dominanza assoluta, anke fit-tieni taqsima, bil-Vietnam ma jkollhom l-ebda xutt lejn il-lasta tal-goalkeeper Alyssa Naeher, l-Istati Uniti ssiġġillaw ir-rebħa fis-77 minuta, b’Sophia Smith terġa’ tkun protagonista din id-darba billi provdiet l-assist lejn Lindsey Horan li b’xutt minn fejn il-penalty spot skorjat it-tielet gowl għat-tim tagħha għal skor finali ta’ 3-0 favur l-Istati Uniti.