Futbol Sport

Tazza tad-Dinja tan-Nisa: Id-Danimarka b’rebħa fl-aħħar minuti kontra ċ-Ċina

(Ritratt: EPA)

Grupp D:

DANIMARKA……1

ĊINA…………………0

Wara nuqqas ta’ 16-il sena mit-Tazza tad-Dinja għad-Danimarka, it-tim Daniż irritorna fil-kompetizzjoni b’gowl drammatiku fl-aħħar minuti sabiex ħadu l-ewwel rebħa tagħhom kontra ċ-Ċina.

Il-partita kienet nieqsa mill-azzjonijiet għat-tim Ċiniż, bl-unika opportunitajiet ta’ gowl jkunu tentattivi fl-ewwel taqsima minn barra l-kaxxa ta’ Chen Qiaozhu u Zhang Linyan, bil-goalkeeper Christensen toħrog rebbieħa miż-żewġ konfronti.

Kienu d-Danimarka li kellhom l-maġġoranza ta’ ċansis, speċjalment kmieni fit-tieni taqsima bil-konklużjoni bir-ras ta’ Josefine Hasbo minn kross ta’ Sorensen tispiċċa barra minkejja x-xibka vojta tal-avversarji tkun l-aħjar opportunità ta’ gowl għad-Daniżi.

Fid-90 minuta s-sostitut Amalie Vangsgaard sabet ix-xibka għall-gowl tant mistenni tar-rebħa, b’daqqa ta’ ras potenti minn kważi t-tarf tal-kaxxa l-kbira minn korner mogħti minn Pernille Harder.