Enerġija Lokali

Abela jgħid li s-sitwazzjoni tad-dawl “ġiet ripristinata”

Attakki fuq il-ġudikatura u attakki partiġġjani.

Il-Ħadd filgħodu, għal darb’oħra Robert Abela sebaħ jattakka lill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia u l-ħidma tagħha – karatteristika issa komuni minn naħa tal-Prim Ministru f’dak li ġie msejjaħ mill-esperti bħala assassinju tal-karattru sistematiku.

Wara li l-Maġistrat għalqet l-Inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia minkejja li l-Mexxej Laburista saħaq li kienet se ddum xahar ieħor, fuq il-midja tal-Partit tal-Labour Abela kompla jisħaq fuq il-gidba tal-estensjoni tal-inkjesta.

F’nifs wieħed jgħid li huwa jħalli l-ġustizzja taħdem f’serenità u f’waqt ieħor jgħid li kellek dewmien żejjed.

Filwaqt li ammetta li r-roti tal-ġustizzja qed iduru, huwa għażel li ma jagħmilx apoloġija lill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia u falla wkoll milli jsemmi jekk hux se jkun qiegħed jippubblika l-inkjesta maġisterjali bħal ma wiegħed kemm-il darba u fl-aħħar jiem farfarha fuq l-Avukat Ġenerali.

Dan filwaqt li ssokta bl-attakki partiġġjani fuq il-Partit Nazzjonalista wara li għal seba’ xhur u nofs wassal l-appell ta’ ġenituri, qraba u ħbieb għall-għajta ta’ inkjesta pubblika. Bil-Prim Ministru jattakka lill-Oppożizzjoni għaliex talbet lil Kummissarju għall-Istandards jinvestigah sabiex jaraw mnejn kien qed jiġi infurmat dwar l-Inkjesta Maġisterjali – fatt li minkejja kollox Abela għadu qed jaħbi dwaru u li s’issa għadu mhux jiċħad li ġie infurmat mill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg…kontra kull etika.

Finalment tkellem ukoll dwar il-kriżi nazzjonali tal-provvista tal-elettriku f’Malta u Għawdex – fejn mingħajr ma offra ebda serħan il-moħħ huwa saħaq li s-sitwazzjoni issa tinsab taħt kontroll madanakollu m’hemmx garanzija li d-dawl mhux se jerġa’ jitlaq minħabba s-sħana.

Dan filwaqt li ammetta li s-sitwazzjoni dwar il-manutenzjoni tal-cables tal-elettriku l-Gvern ilu jaf biha għal aktar minn 5 snin iżda saħaq li l-isfida waslet f’ħoġru illum u għaldaqstant issa jridu jagħmlu xi ħaġa.