Lokali

“Flimkien biss nistgħu nħallu pajjiż aħjar milli writna” – Roberta Metsola

Appell għal ippjanar, żvilupp serju u bidla fil-mentalità politika ta’ pajjiżna

Ġranet u ljieli twal mingħajr provista tal-elettriku ċertament li qed tnissel sens ta’ rabja fost il-familji Maltin u Għawdxin. Dan għaliex il-poplu issa qed jixba dejjem bl-istess skużi – fejn il-ħaddiema jintużaw bħala props waqt li jispikka n-nuqqas ta’ viżjoni fit-tul.

Sostniet dan il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista u President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fejn insistiet li Malta kapaċi teċċella u li flimkien biss nistgħu nerġgħu noħolqu pajjiż li jixraqilna.

Hija kompliet tgħid li m’għadniex bżonn li l-medjokrità tkun in-normalità ta’ kuljum f’dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għal familji tagħna.

Roberta Metsola insistiet dwar il-bżonn li nibnu mill-ġdid, iżda li nibnu aħjar. Dan permezz ta’ standards rinfurzati u reali. B’inċentivi li jibnu fuq it-tajjeb u mhux iħottu l-bażi soda. Dan permezz ta’ ppjanar u żvilupp serju – b’policies magħmula sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-poplu.

Hija appellat għal investiment fl-infrastruttura li tkun ta’ servizz anke għad-domanda tal-privat filwaqt li l-villaġġi u rħula Maltin u Għawdxin ikunu mgħonija bi spazji ħodor, bi triq ta’ 5km li ma teħodlokx siegħa biex tasal minn punt sa punt.

Roberta Metsola appellat għal protezzjoni serja fil-konfront ta’ saħħet il-ħaddiema Maltin u Għawdxin iżda aktar minn hekk appellat għal investiment adegwat fil-grid elettriku ta’ pajjiżna.

Hija insistiet kif f’pajjiż li għandu 300 jum ta’ xemx ma jistax ikun li jkollu sebat ijiem ta’ blackouts, li jpoġġu lill-familji Maltin u Għawdxin iħabbtu wiċċhom ma’ kriżi nazzjonali bħal din.

Dan filwaqt li saħqet dwar il-bżonn ta’ leġiżlazzjoni għad-dritt fundamentali tad-dawl – li tiżgura li kulħadd ikun jista’ juża l-enerġija tax-xemx mhux biss biex ikollna arja aktar nadifa iżda anke biex jorħsu l-kontijiet tad-dawl billi l-istess enerġija tistimola l-grid elettriku ta’ pajjiżna.

Il-Membru Parlamentari Ewropew sostniet dwar il-bżonn li pajjiżna jħares lejn xenarju ekonomiku differenti – li jipprijoritizza d-diġitalizzazzjoni, is-sostenibilità u l-investiment xieraq u serju. Dan ifisser li s-sistema edukattiva f’pajjiżna trid teduka l-ħsieb kritiku aktar milli timbotta r-repitizzjoni u l-istudju bħal pappagalli.

Saħqet ukoll dwar il-bżonn li tiġi inċentivata realment iż-żieda fil-paga f’pajjiżna. Dan permezz ta’ ħolqien ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda, aktar impjiegi ta’ standards għoljin u fuq kollox tama ġdida – għal ħaddiem, għaż-żgħażagħ li jkunu jistgħu verament jifilħu għal piż ekonomiku ta’ xiri ta’ proprjetà u għall-anzjani…li jeħtiġilhom jgħixu b’dinjità assoluta.

Roberta Metsola insistiet dwar il-possibilità reali li Għawdex tinbidel fi gżira turistika għas-sena kollha, f’ġenna ta’ kummerċ u ekoloġija uniti ma’ xulxin. Dan però mingħajr ma jitwettqu l-istess żbalji tal-aħħar snin – billi l-poplu jitwassallu l-ġid fil-but mingħajr ma neliminaw il-kultura li ssawwarna – mingħajr ma ngħaddu bil-gaffa minn fuq l-ambjent ta’ madwarna.

Hija temmet tgħid li sal-2027 pajjiżna għandu opportunità li jikseb mill-Unjoni Ewropea aktar minn €2 biljuni u miljun ta’ ewro oħra f’fondi ta’ rkupru.

Metsola saħqet li hekk biss nistgħu nbidlu pajjiżna – billi neliminaw id-diviżjonijiet u l-mentalità ta’ tribù ta’ aħmar u blu u nimxu id f’id għal Malta aħjar, politika li verament twassal sabiex pajjiżna nħalluh aħjar minn dak li writna minn ta’ qabilna.